Lokali

“Ser insusu warajh biex isir dak li wiegħed” – The Malta Independent

Nistennew li l-Prim Ministru Robert Abela jwettaq dak li wiegħed speċjalment meta qal li mhux se jiġu ripeturi l-iżbalji li saru matul is-seba’ snin li għaddew. Aħna ser insusu warajh biex isir dak li wiegħed.

Dan kien il-messaġġ tal-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent. Editorjal li fakkar kif fl-ewwel diskors tiegħu l-Prim Ministru Abela ma semmiex liema kienu l-iżbalji kbar li saru mill-gvern Laburista. 

Għalhekk wieħed jassumi li Robert Abela ried ifisser li mhux se jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni, nepotiżmu, u n-nuqqas ta’ meritokrazija, ma jagħlaqx għajnejh għal membri tal-gvern implikati fi skandli u ma jagħlaqx għajnejh għall-qerda tal-ambjent.

L-editorjal ifakkar wkoll kif il-Prim Ministru Abela qal li jrid jagħti serħan il-moħħ lin-negozji billi jassigura li jkun hemm level playing field għal kulħadd. Iżda fl-istess ħin ma attendiex għal dibattitu organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ.

Fatt ieħor li ma nessiex l-editorjal ta’ The Malta Independent kien dak li kien qal Robert Abela waqt intervista fuq l-istazzjon laburista dwar is-soċjeta’ ċivili  u d-dritt tagħhom li jipprotestaw. Abela kien iddeskriva l-protesti tas-soċjeta’ ċivili bħala provokazzjoni.

Isemmi anke dak li qal il-Kap tal-PN Adrian Delia l-Ħadd waqt attivita’ politika, fejn appella lil Robert Abela sabiex jilqa’ l-proposti tal-Oppożizzjoni dwar governanza b’saħħitha, meritokrazija, kontabilita’ u trasparenza.