Lokali Unjoni Ewropea

Simon Busuttil maħtur bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PPE fil-Parlament Ewropew

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil inħatar bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew. Hu se jkun qed iservi f’din il-kariga ġdida mill-1 ta’ Marzu.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista laqa’ bil-ferħ din l-aħbar, ta’ eks Kap tal-Partit f’pożizzjoni daqstant importanti fil-PPE, li hu l-akbar partit politiku fl-Ewopa b’aktar minn 80 partit minn madwar l-Ewropa kollha u b’182 Membru tal-Parlament Ewropew.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li laqa’ b’sens ta’ kburija u ferħ din l-aħbar, li Simon Busuttil inħatar f’kariga ta’ daqstant prestiġju u responsabbiltà fil-qalba tal-Ewropa. Tenna li din il-ħatra turi mhux biss il-fiduċja kbira li jgawdi Simon Busuttil, iżda anke r-rispett kbir li jgawdi l-Partit Nazzjonalista fl-Unjoni Ewropea.

Għall-Partit Nazzjonalista, il-ħatra ta’ Simon Busuttil tfisser li Malta qed tingħata ċans terġa’ tibda tibni r-reputazzjoni tagħha, li tkissret għalkollox minn Joseph Muscat bil-korruzzjoni u bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fl-istess waqt, din il-ħatra se tiżgura li l-Ewropa se tkun qed tiddefendi il-valuri tad-demokrazija, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt f’Malta daqs qatt qabel.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Simon Busuttil qal li b’din il-kariga se jkun qed jaħdem bla heda biex pajjiżna jerġa’ jirbaħ ir-rispett li tilef fl-aħħar snin, kif ukoll li l-Ewropa tkun fuq in-naħa tal-poplu Malti biex tiddefendi l-valuri tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt f’Malta.

B’din il-ħatra, il-Partit Nazzjonalista se jkun ukoll f’pożizzjoni daqs qatt qabel jinfluwenza d-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell u li jolqtu direttament lil Malta u lill-poplu Malti, kif ukoll il-popli kollha Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista awgura lil Simon Busuttil kull suċċess għal din il-ħatra, filwaqt li rringrazzjah tas-servizz bla heda tiegħu matul is-snin, kemm bħala Membru tal-Parlament Ewropew, bħala Membru tal-Parlament Malti u anke bħala Kap tal-Partit u tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista mgħandux dubju li fil-kariga ġdida tiegħu, Simon Busuttil se jibqa’ jagħti l-aqwa sehem lil Malta u anke lill-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil se jkun qed jirriżenja minn Membru Parlamentari fil-ġimgħat li ġejjin biex b’mod uffiċjali jkun jista’ jassumi l-kariga ġdida tiegħu ta’ Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.