Lokali

Skiet totali mill-Gvern u mill-Pulizija

Skiet totali mill-Gvern wara li lbieraħ Net News żvela li reġa’ ġie attivat in-numru ċellulari tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri – linja tal-mobile li tinsab f’nofs kontroversja sħiħa minħabba li l-Pulizija (wara dawn il-ġimgħat kollha) għadhom ma nvestigawx il-kontenut tal-messaġġi u t-telefonati li saru bejnu u bejn dawk li huma kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri reġa’ kien ‘live’ fuq il-linja ċellulari tiegħu ftit tal-ħin biss wara l-ġurament tal-Prim Ministru Robert Abela.

Sa issa, għadu mhux ċar jekk il-Pulizija ħadux passi immedjati fuq din l-informazzjoni ġdida li żvelajna, u li tagħha ppubblikajna l-provi (ritratt fuq). Fil-fatt, ir-rappurtaġġ tagħna fl-ebda ħin ma ġie miċħud.

L-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista, immexxija minn Robert Abela, bdiet ftit wara l-5:20pm. Dan ifisser li Schembri kien attiv fuq ‘Signal’ waqt il-ħin li kienet qed tispiċċa din il-laqgħa.

Net News hu infurmat li fl-istess mumenti fuq ‘Signal’ kien hemm ukoll numru ta’ deputati oħrajn, fosthom Clayton Bartolo – wiehed mill-ftit deputati tal-Lejber li imbuttaw lil Robert Abela ghat-tmexxija.

Ritratt: Matthew Tabone