Ambjent Lokali

Uliedna jinsabu f’periklu jekk jibqa’ ma jsir xejn

Omm qasmet id-dieqa u fl-istess ħin ir-rabja tagħha fuq il-midja soċjali wara li bintha, li għandha ftit inqas minn 4 snin, ġiet djanjostikata mit-tobba li ssofri minn asthma kronika.

Hija saħqet li bintha hija waħda minn 26, 429 persuni li sa Mejju tal-2019 ġew djanjostikata b’din il-kundizzjoni u insistiet li hija għafsa ta’ qalb kbira tara ssofri hekk.

L-omm sostniet li f’pajjiżna l-arja hija waħda ta’ kwalità ħażina ħafna, b’diversi persuni jsofru mill-asthma – u minflok naraw x’nagħmlu biex nsaħħu l-ambjent ta’ madwarna, il-Gvern spiċċa jqaċċat għexieren ta’ siġar biex jagħmel spazju għall-blokok tal-konkrit, u toroq mimlija exhaust tal-karozzi.

Hija saħqet li hija diżgustanti li minflok f’Malta hawn arja safja, il-poplu jispiċċa jiġbed it-trab tal-kostruzzjoni f’imnifsejh.

L-omm, b’qalb muġugħa, appellat sabiex iwaqqfu din il-ferneżija ta’ bini u kostruzzjoni bl-addoċċ hekk kif saħqet li dan l-aġir qed ipoġġi lill-uliedna fil-periklu.