Lokali Qorti

“Ċerti espressjonijiet huma eżaġerati”

L-Avukat li qed jassisti tnejn mill-persuni suspettati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia oġġezzjona għan-narrattiva li ntużat mill-prosekuzzjoni waqt ix-xhieda tat-tliet akkużati.  

Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat akkużati b’dan l-assassinju.

L-avukat aċċenna ghal ċerti espressjonijiet użati mill-Avukat Ġenerali meta saret id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi fl-assassinju tal-ġurnalista.

Fix-xhieda ntqal li kien hemm diversi affarijiet li ntqalu u li drammatizzaw l-avvenimenti kif saru.  L-Avukat William Cuschieri qal li sakemm il-persuna ma tkunx preżenti fuq is-sit fil-ħin tal-isplużjoni, wieħed ma jistax jgħid li l-isplużjoni regħdet iż-żona tal-Bidnija. Saħaq ukoll li ċerti kummenti kienu biss immaġinazzjoni fertili. B’referenza għad-dgħajsa tal-akkużat bħala “cabin cruiser”…fejn ngħata l-impressjoni ta’ lussu. L-avukat sostna li dawn l-espressjonijiet kollha fl-akkuzi qed jahdmu għad-detriment tal-akkużati.

Fir-rigward tal-uffiċjali tal-pulizija barranin mill-FBI, l-Europol u l-Istitut Forensiku Olandiż li kienu xehdu fil-proċeduri tal-qtil, l-Avukat Cuschieri saħaq li dawn ma qalux biss il-fatti imma kienu marru oltre.

Għal din ir-raġuni, l-avukat qed jitlob li s-siltiet kollha tat-testimonjanzi fejn esperti barranin kienu esprimew l-opinjoni tagħhom, jitneħħew mir-rekords tal-każ.

Ir-rekords tal-kumpilazzjoni tal-provi kontra George u Alfred Degiorgio u Vincent Muscat, kienu ntbagħtu lura lill-Qorti tal-Maġistrati biex ikunu jistgħu jinstemgħu provi ġodda.

Fil-fatt, Melvin Theuma kien xehed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qabel ir-rekords kienu għal darb’oħra mibgħuta lura lill-Qorti Kriminali, preseduta minn Edwina Grima.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia deher f’isem il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi deher f’isem il-familja tal-vittma. L-Avukat Marc Sant assista lil Vincent Muscat bħala avukat tal-għajnuna legali.