Lokali

Il-ħelikopter għall-pazjenti Għawdxin reġa’ ma ħadimx

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Aktar problemi serji fuq il-mejda tal-Ministru Justyne Caruana hekk kif il-ħelikopter li jġorr il-pazjenti bejn Malta u Għawdex kmieni nhar it-Tnejn filgħodu ma startjax bir-riżultat li pazjent Għawdex li kien sofra minn attakk tal-qalb ma setax jittieħed b’mod immedjat għall-kura fl-Isptar Mater Dei.

Il-każ seħħ kmieni nhar it-Tnejn filgħodu meta mill-Isptar Stewart intalbet l-assistenza tal-ħelikopter biex pazjent li kien sofra minn attakk tal-qalb u kellu bżonn tal-kura immedjata f’Malta, fil-fatt jinġieb fl-Isptar Mater Dei.

Meta t-tekniċi tal-ħelikopter ippruvaw jistartjaw il-makna tal-ħelikopter irriżulta li din ma kenitx qed taħdem u għalhekk kienet abbandunata l-idea li dan il-pazjent ikun trasferit lejn Malta bil-ħelikopter. Sadattant b’dak li kien qiegħed jiġri kienu infurmati wkoll l-operaturi tal-Gozo Channel li ntalbu jżommu t-traġitt li kien imiss – dak tal-4.45am – biex dan il-pazjent ikun jista’ jittieħed lejn Malta bl-ambulanza.

Fil-fatt it-traġitt lejn iċ-Ċirkewwa ttardja b’għoxrin minuta u telaq mill-Imġarr ċirka l-5.05am. Dan meta l-kundizzjoni tal-pazjent – inċidentalment ukoll impjegat tal-Gozo Channel – kienet waħda mill-aktar kritika tant li kien imperattiv għall-Isptar Stewart li l-pazjent jinġieb Malta minnufih u bil-ħelikopter.

Dwar dan kollu nżamm skiet totali kemm mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll mill-Isptar Steward li ma ħarġu l-ebda dikjarazzjoni dwar din il-ħsara teknika ġdida b’rabta mal-ħelikopter li fix-xhur li għaddew kien f’numru ta’ drabi protagonista għall-fatt li ma kienx fi stat li jtir bejn Malta u Għawdex.

Barra minn hekk kien hemm ukoll każ ta’ pazjent ieħor li din id-darba, sfortunatament, tilef ħajtu għaliex il-ħelikopter ma kienx fi stat li jaħdem u għalhekk dan il-pazjent ma ngħatax kura f’waqtha. Nifhmu li fis-sigħat ta’ wara l-inċident tat-Tnejn li għadda, persuni tekniċi ħadmu fuq il-ħelikopter bit-tama li l-ħsarat li kellu jissewwew u hekk ikun fi stat li jerġa’ jittajjar.

Sadattant iżda nhar it-Tnejn ukoll seħħ inċident ieħor kurjuż marbut mal-mezzi ta’ trasport li jaqsmu bejn Malta u Għawdex hekk kif il-car lifter abbord il-vapur ‘MV Nikolaos’ ma ħadmitx u l-karozzi kollha li kien hemm fis-sular ta’ fuq spiċċaw maqbuda ġewwa.

Dan l-inkonvenjent dam għaddej ċirka tliet sigħat bi frustazzjoni kbira mhux biss għas-sewwieqa u l-passiġġieri, imma wkoll għall-istess ħaddiema tal-‘MV Nikolaos’ li kellhom jieħdu ftit tal-ħin mhux ħażin biex is-sitwazzjoni abbord reġgħet ġiet għan-normal.

L-‘MV Nikolaos’ bħalissa jinsab mill-ġdid taħt il-lenti hekk kif sar magħruf li minn fuq dahar il-poplu Malti, qed jitħallsu xejn inqas minn €10,000 kuljum għas-servizz li dan qed jagħti bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.