Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tiċħad appell tal-Avukat Ġenerali fuq il-ħelsien ta’ żewġ irġiel b’rabta mad-droga

Il-Qorti ta’ l-Appelli Kriminali ċaħdet appell tal-Avukat Ġenerali fuq il-ħelsien ta’ żewġ irġiel li kienu ġew illiberati fuq akkużati ta’ kuntrabandu ta’ 20 kilo raża tal-kannabis fuq dgħajsa fis-sena 2010.

L-Avukat Ġenerali kien appella għal mod kif kienu ndirizzati l-ġurati mill-Imħallef sedenti, u qal li l-ġurija kienu tħawwdu għal mod kif l-Imħallef kien mexxa dan il-ġuri, argument li l-Qorti tal-Appell rema l-barra.
Godfrey Gambin, kien spiċċa arrestat f-Lulju tal-2010 ma żewġ Libjani, Adel Mohammed Babani u Nabeil Ibrahim Saleh.

Dan wara li l-Pulizija sabulhom b’madwar 20 kilo ta’ raża tal-kannabis, ftit wara li waslu x-Xemxija fuq ‘speedboat’. Saleh kien ħarab minn Malta wara li kien dam 22 xahar taħt il-kustodja. Sa issa huwa għadu ma nstabx minkejja li t-tfittxijja għalih għada sejra.

Gambin u Babani ma kienux instabu ħatja f’ġuri li kien sar. L-eks Asisstent Kummissarju Neil Harrison kien xehed fil-Qorti li l-irġel kienu arrestati minħabba it-twassil tal-kannabis, fejn kien hemm ftehim u assoċjazzjoni ma’ wieħed mill-irġiel fuq id-dgħajsa. Dan id-dettal ma kienx issema waqt il-każ li dam sitt snin u dan kien użat mid-difiża.

Il-Qorti tal-Appelli preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Giovanni Grixti mhux talli ma qablitx mal-argumenti tal-Avukat Ġenerali iżda qalet li l-Imħallef kien korrett u preċiż fid-deċiżjoni tiegħu u kif tkellem.

Il-Qorti qalet li wara l-eżaminat il-file tal-Qorti, ma kienx jidher li kien hemm problema b’kif ingħatat l-informazzjoni. Il-Qorti qalet ukoll li “l-akkużati qalu li ma kellhom l-ebda idea fuq l-intenzjoni ta’ Nabeil, minbarra li jidħol Malta bil-moħbi.

Meta marru jgħinuħ, marru bil-karozzi tagħhom u li ma kellhom l-ebda apparti ta’ droga jew ammont ta’ flus kbir fuqhom jew fid-dar tagħhom.
Minħabba dan kollu, il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda raġuni lio tbiddel is-sentenza mogħtija. L-Avukati Franco Debono u Mario Mifsud kienu l-avukati tad-difiża.