Internazzjonali

It-twaqqigħ tal-ajruplan fl-Iran: Rouhani jistenna spjegazzjoni mingħand il-militar

Il-President Iranjan Hassan Rouhani qal li l-militar ta’ pajjiżu jeħtieġ ‘jelabora’ u jipprovdi spjegazzjoni aktar dettaljata dwar kif seta’ iwaqqa’ bi żball l-ajruplan tal-passiġġieri tal-Ukraine International Airlines li ġġarraf ġimgħa ilu wara li ntlaqat minn missila.

Fit-tiġrif – riżultat ta’ azzjoni ‘mhix intenzjonata’ – mietu 176 persuna u l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, ammetta, issa, li ‘l-Iranjani kienu damu l-jiem jisimgħu l-gideb wara l-inċident’. Zarif qal ukoll li hu l-President Rouhani ‘kienu tħallew fil-għama’ fir-rigward tad-dettalji tal-qerda tal-ajruplan Boeing.

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja – bħala l-qawwa Iranjana elit – ammettiet li kienet niżżlet l-ajruplan, fost indikazzjonijiet li elementi militari tal-Iran fixklu l-Boeing ma’ missila tal-Istati Uniti. It-twaqqigħ tal-ajruplan kien seħħ sigħat wara li l-Iran spara l-missili lejn bażijiet fl-Iraq li qed iżommu s-suldati Amerikani u bħala ritaljazzjoni għall-qtil tal-Ġeneral Iranjan Qasem Suleimani li, jiem qabel, kien spiċċa mira ta’ drone li sparawlu l-Amerikani waqt li hu kien qiegħed fl-Iraq.

Issa, il-President Iranjan Rouhani qed isejjaħ biex il-militar ta’ pajjiżu jeżerċita ‘sens akbar ta’ koordinazzjoni u moniteraġġ’ waqt il-passi li jmiss tal-investigazzjoni dwar it-twaqqigħ tal-Boeing. Rouhani insista dwar il-ħtieġa li n-nies ikunu infurmati bid-dettalji ‘bl-onestà’ meta hu importanti li huma jafu li l-awtoritajiet Iranjani jħossuhom responsabbli għal dak li seħħ.

Min-naħa tiegħu,  il-Ministru Zarif, waqt li kien għaddej bi żjara fl-Indja, qal li hu u l-President Rouhani, fil-bidu, ma kenux jafu ċ-ċirkustanzi tal-ajruplan. Iżda hu faħħar lill-militar ta’ pajjiżu ‘għall-kuraġġ li wrew l-uffiċjali tiegħu biex jieħdu responsabbiltà għat-twaqqigħ tal-Boeing’.

Madankollu, il-kritiċi għadhom qed jitkellmu dwar id-dawmien ta’ tlett ijiem sakemm ħarġet il-verità dwar l-ajruplan. L-istess kritiċi jinsistu li l-Iran ‘ammetta biss dwar dak li seħħ ladarba l-awtoritajiet tal-Punent żvelaw li kellhom il-provi kuntrarji għal dak li kien qed jgħid Tehran fir-rigward tal-Boeing’.