Lokali

Jieħu l-ġurament l-ikbar Kabinett fl-istorja ta’ Malta

Il-Kabinett ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra b’ċerimonja fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.

Biex issa, l-ikbar Kabinett fl-istorja ta’ Malta se jkun jista’ jibda uffiċjalment il-ħidma tiegħu.

Kif thabbar aktar kmieni, Chris Fearne se jzomm ir-rwol ta’ Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – ghalkemm waqt ic-cerimonja deher miġbud, speċjalment wara li ħa l-ġurament.

Il-Ministru Evarist Bartolo tneħħa mill-Edukazzjoni u se jkun responsabbli għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Sinifikanti l-fatt li Owen Bonnici tnehha minn Ministru tal-Gustizzja. Issa, dan id-dekasteru mar f’idejn Edward Zammit Lewis…filwaqt li Bonnici sar Ministru tal-Edukazzjoni.

Edward Scicluna żamm il-Ministru għall-Finanzi, Michael falzon zamm il-Familja filwaqt li Justyne Caruana żammet il-Ministeru għal Għawdex.

Michael Farrugia sar Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, filwaqt li José Herrera sar Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Carmelo Abela, tpoġġa Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru filwaqt li Ian Borg żamm il-Ministru għat-Trasport.

Roderick Galdes sar Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Silvio Schembri Ministru għall-Ekonomija,

Julia Farrugia Portelli Ministru għat-Turiżmu,

Aaron Farrugia Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar,

Clint Camilleri Ministru għall-Politika Agrarja u Sajd, Drittijiet tal-Annimali u Protezzjoni tal-Konsumatur,

U Byron Camilleri Ministru għall-Intern.

Stefan Zrinzo Azzopardi sar Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Clayton Bartolo inħatar Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Clifton Grima żamm iż-Żgħażagħ u l-Isport u Chris Agius baqa’ Segretarju Parlamentari għall-Artijiet.

Silvio Parnis ħa id-dekasteru tal-anzjani li qabel kien f’idejn Anthony Agius Decelis.

Rosianne Cutajar saret Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi…bl-ewwel prijorita’ taghha se tkun l-implimentazzjoni tal-ligi tal-kannabis.

Deo Debattista se jibqa’ Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika.

Filwaqt li Alex Muscat sar Segretarju Parlamentari responsabbli mill-bejgh tal-passaporti.

B’hekk, il-Kabinett se jkun magħmul minn 25 deputat u  l-Prim Ministru…26 b’kollox; li 17 minnhom se jkunu Ministri.

Fil-bidu tal-leġislatura, il-Kabinett kien magħmul minn 24 deputat, li minnhom 14 kienu Ministri. Dan ifisser li l-ispiża pubblika kompliet tisplodi ‘l fuq.

L-aħħar Gvern Nazzjonalista tal-2008, immexxi mill-Prim Ministru Gonzi, kien magħmul minn 8 Ministri u 4 Segretarji Parlamentari.

Intant…f’dan it-tibdil kollu li sar mill-Prim Ministru d-deputati Anthony Agius Decelis, Glenn Beddingfield, Chris Cardona, Manwel Mallia, Joe Mizzi, u Anton Refalo huma fost dawk li baqgħu l-art.