Lokali

Jiġġustifika l-membri parlamentari li jinsabu taħt investigazzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu għamel biss ġurnata sħiħa fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja iżda diġa beda jiddefendi lill-membri parlamentari tiegħu li għandhom akkużi serji fil-konfront tagħhom.

Tlieta minn dawn, Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi jinsabu taħt investigazzjoni kriminali dwar il-bejgħ tal-isptarijiet Maltin lil Vitals. Dan filwaqt li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat jinsab taħt skrutinju dwar ir-rigali li rċieva mingħand Yorgen Fenech, fosthom arloġġ ta’ valur ta’ iktar minn €20,000 u sett inbid ta’ iktar minn €5,000.

Qed ikun investigat ukoll dwar is-safar kontinwu tiegħu fl-aħħar jiem fl-uffiċċju, b’mod speċjali l-vjaġġ lejn Dubaj.

Minkejja dan, Robert Abela, hu u dieħel f’Kastilja l-Erbgħa filgħodu, spjega li jispiċċa bla grupp parlamentari jekk jieħu azzjoni fl-konfront ta’ dawn kollha.

Sadattant il-mexxej Laburista ħarab milli jwieġeb dwar il-fatt li Keith Schembri reġa’ kien ‘live’ fuq il-linja ċellulari tiegħu ftit tal-ħin biss wara l-ġurament tieghu bhala Prim Ministru.

Dan waqt li għamilha ċara li hu mhux se jikkomunika ma’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff u ħabib ta’ Joseph Muscat.