Lokali Qorti

Mhux ħati li kkaġuna feriti gravi fuq tfajla f’Paċeville waqt iż-żfin

Raġel ta’ 47 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Josette Demicoli li kkaġuna feriti gravi fuq tfajla waqt li kien qed jiżfen fil-Havana f’Novembru tal-2015 meta għal tal-apposta ħareġ saqajh biex iweġġa’ tfajla li bħalu kienet fuq id-‘dance-floor’ u li kaġun tiegħu din spiċċat biex weġġgħet serjament u dan għaliex ma tagħtux wiċċ meta kien qed jittanta.

Il-Qorti qalet li l-allegata vittma Roxanne Brignoli u oħtha Cythia Brignoli li kienet magħha ma kienxu konsistenti fix-xhieda tagħhom dwar il-każ filwaqt li r-raġel – Adrian Pace Gouder qal li huwa lanqas biss jaf lit-tfajliet – u li waħda minnhom bdiet toffendieh għax xejn b’xejn u deheret xurbana.

Tenna li jista’ jkun li xi darba oħra ttantaha – għaliex fil-post ikun hemm ħafna nies. Roxanne Brignoli qalet fil-Qorti li f’jum tas-Sibt tat-22 ta’ Novembru tal-2015 hija kienet fl-istabbiliment Havana ġewwa Paceville flimkien ma’ oħtha Cynthia.

Qalet li lil Pace Gouder ma tafux. Mar jittantaha u ġieli anke ttanta lil oħtha. Kienu qegħdin jiżfnu u Pace Gouder kien quddiem oħtha u kif daret waqt li qed tiżfen ħareġ siequ. Din waqgħet u sofriet ġrieħi f’idejha u xuftejha intefħitilha.

Kompliet tigħid li nkissrulha snienha wkoll. Mistoqsija għalfejn ħareġ saqajh, hija qalet ‘ħareġ saqajh biex forsi jittanta u aħna qatt ma tajnih wiċċ’.

Qalet li ma kellhom l-ebda argument dakinhar, imma kif waqqagħha, u qamet mill-art rrabjata, ħarġilha subgħajh tan-nofs u beda jidħaq f’wiċċha. Temmen li għamel li għamel b’vendikazzjoni.

Qalet li marret l-Isptar u fis-7.00pm u marret tagħmel rapport fl-Għassa u damet xahar ma tmurx għax-xogħol. Qalet ukoll li dakinhar kienet quddiem id-Disc Jockey. Tenniet li fuq id-‘dancefloor’ kien hemm nies oħra apparti
hi, oħtha u l-imputat – u li fejn kienu huma ma kienx hemm nies.

Kif qamet filghodu sabet idha ballun. Il-grieħi tagħha ġew iċċertifikati bħala gravi. Oħtha Cynthia Brignoli qalet li f’ħin minnhom rat siequ ħierġa barra u waqqa’ lil oħta. U x’hin qamet kellha xufftejha kollha demm, kissrilha snienha.

Qalet ukoll li ħareg siequ b’vendikazzjoni, li kien dritt qiesu Suldat. Ix-xhud sostniet li d-disco ġieli jkun mudlam u ġieli mixgħul. Dakinhar tal-inċident kienu viċin it-tiolets.

Adrian Pace Gouder qal li dak inhar mar ħdejn id-DJ li huwa ħabib tiegħu. Tela’ ħdejh u ħalla bskett ħdejh. Niżel jieħu drink mal-bar u mar biex jagħmel talba ta’ kanzunetta u wara li daqq żewġ diski, daqqlu d-diska li jħobb hu u ħareġ jiżfen.

Fid-‘dance floor’ kien hemm ħafna nies u ra waħda warajh li bdiet tgħajjat u toffendih. Staqsiha min kienet. Kellha riħa ta’ xorb u bdiet tgħajjat u
toffendih u huwa qalilha biex tmur ‘l hemm billi lanqas kien jafha u mar
ikompli jixrob mal-Bar.

Huwa ċahad li taha gambetta għaliex huwa jiżfen kien. Xehed li huwa qatt ma kellem lil Roxanne Brignoli u lanqas kien qatt raha. Ma jeskludix li seta’ ittantaha xi darba. Qal li huwa minnu li huwa daħaq biha għax filli kien qieghed jiżfen u filli sab mara tgħajjru u lanqas jaf x’kien ġara.

Hija marret ittaptaplu fuq dahru, imbuttatu u bdiet tgħajjat. Qal li kienet xurbana kemm ghaliex kellha riħa ta’ xorb u kienet qed tixxengel. Qal li kien hemm rassa ta’ nies u kien mudlam. Qal li kien għadu ġej mill-istabbiliment Black Gold fejn kien xorob massimu ta’ erba’ birra miż-żgħar.

Il-Qorti qalet li jidhrilha li l-aħwa Brignoli ma kienux konsistenti fix-xhieda tagħhom u l-ineżattezzi tagħhom ma jwasslux sabiex il-Qorti tkun konvinta moralment li dak li sostnew kien proprju dak li ġara.

Il-verżjoni tagħhom hija li l-imputat għal xejn b’xejn ta gambetta lil Roxanne Brignoli bil-konsegwenza li din weġgħet u sofriet ġriehi ta’ natura gravi. L-imputat ukoll ta l-verżjoni tiegħu fejn ċaħad l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-parte ċivile mhux kredibbli u dan għall-fatt ukoll li l-persuni kienu f’ambjent fejn kien hemm dlam, fejn mhux kredibbli li ma kienx hemm nies oħra fil-viċin f’dak il-mument u l-fatt ukoll li ma jirriżultax li kien hemm xi kwistjonijiet fl-istess jum u drabi qabel bejn l-istess partijiet.

Il-Prosekuzzjoni għahekk ma rnexxilhiex tipprova sal-grad rikjest mil-Liġi l-akkuża kontra Pace Gouder. Għal dawn il-motivi l-Qorti ma sabitux ħati tal-akkużi migjuba fil-konfront tiegħu u minnhom illiberatu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.

.

.