Lokali Qorti

Talba oħra għal-liberta’ proviżorja

Jordan Azzopardi ppreżenta talba oħra biex jingħata l-libertà proviżorja mill-arrest preventiv li jinsab fih, fejn issa ilu għal dawn l-aħħar 10 xhur fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq divers akkużi fosthom traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Pemezz tal-Avukat tiegħu Franco Debono, qed jagħmel din it-talba fid-dawl tal-fatt li issa numru konsiderevoli ta’ esperti xjentifiċi diġa taw ix-xhieda tagħhom fl-istadju ta’ kumpilazzjoni.

Azzopardi kien eskortat bħas-soltu taħt sigurtà stretta, biex ikomplu l-proċeduri kontrih flimkien mas-sieħba tiegħu ta’ 31 sena, li hija omm ta’ ħames ulied u li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti t-tfal minuri tagħha.

Meta kien qed jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu fuq il-libertà proviżorja, l-Avukat Franco Debono staqsa x’kien inbidel, u tenna li għaddew sitt ġimgħat oħra mill-aħħar talba u issa wasal iż-żmien biex Azzopardi jingħata l-libertà proviżorja.

L-Avukat Debono għamel referenza għaż-żewġ eks suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far permezz ta’ arma tan-nar Lassana Cisse u li qegħdin jiġu akkużati li ferew żewġ immigranti oħra, fejn saħaq li dawn l-akkużi huma aktar serji minn tal-klijent tiegħu.

Huwa qal li anke dan il-każ kien ħalla mpatt fost il-pubbliku, iżda Lorin Scicluna u Francesco Fenech, l-eks impjegati tal-Forzi Armati ta’ Malta ingħataw kif xieraq il-libertà proviżorja mill-Qorti tal-Maġistrati.

Mhux talli hekk qal l-Avukat Franco Debono talli tali deċiżjoni kienet konfermata mill-Qorti Kriminali li ma laqgħetx l-oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali.

Fil-każ ta’ Azzopardi, kompla jgħid l-Avukat – l-oġġezzjonijiet tal-Prosekuzzjoni jidhru li naqqsu xi ftit hekk kif il-proċeduri mxew il-quddiem. Il-liġi tipprovdi il-mekkaniżmi neċċessarji biex ikun hemm bilanċ u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-akkużat sabiex il-Qorti tista’ timponi kundizzjonijiet adegwati għal libertà proviżorja.

“Kull dubji jistgħu jiġu newtraliżżati permezz ta’ kundizzjonijiet li tista’ timponi l-Qorti,” qal l-Avukat Debono. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ddikjarat li se tagħti digriet fil-jiem li ġejjin dwar din it-talba.
Sadanittant waqt li kompliet il-kumpilazzjoini, xehed l-espert forensiku mediku

Mario Scerri. Huwa qal kif kien eżamina raġel li kien ġie arrestat fil-Pietà waqt rejd għad-drogi li kien sar, u li dan kien qal li kien qala’ xeba’ mingħand l-akkużat ħames t’ijiem qabel.

It-tabib Scerri spjega kif l-allegat vittma kellu girfa ħadranija maġemb għajnu u ġrieħi oħra, li kienu jinkludu ftattura f’imnieħru. Dawn il-feriti huma kompattibbli ma’ “a blunt trauma” li hija meta persuna jsofri minn agressjoni fiżika jew jaqla’ xeba’, qal Scerri.

L-espert tal-kimika Emanuel Sinagra qal li kien għamel testijiet fuq numru ta’ oġġeti li nstabu fil-Pietà fil-post fejn kien sar ir-rejd, u li dawk kienu jinkludu ‘foil’, flixken tal-plastik, ‘straw’ u kontenitur iswed tal-plastik u aċtu mħallat tat-tip ‘hydrochloric’.

Qal li dawn it-testijiet irriżultaw li kien hemm traċċi ta’ kokaina fuq il-‘foil’ u l-plastik. Madankollu testijiet fuq l-aċtu taw riżultat ta’ jigsaw puzzle ta’ molekuli (molecule) li normalment ma tkunx fil-preżenza tal-kokaina.

Espert ieħor, Keith Cutajar, ingħata d-dmit li jannaliżża l-evidenza diġitali minn ħames mobajls, sitt laptops u xi oġġetti oħra, li kienu nqabdu meta kienu saru l-arresti f’Marzu li għadda. Huwa qal li żewġ iPhones kienu protetti permezz ta’ pin u dan biex wieħed ma jkunx jista’ jara d-data. Mobajl ieħor tal-marka Nokia kellu l-‘board’ bil-ħsara.

Jordan Azzopardi qed jiġi mixli b’reati varji li jvarjaw minn traffikar ta’ droga għall-pusses aggravat ta’ kokaina, eroina u kannabis ftehim fuq flus foloz. Huwa qed jiġi mixli wkoll li ffroda tliet ħwienet f’San Ġwann u tas-Sliema, li kellu arma bla liċenzja, theddid u li fera terza persuna u li kiser il-libertà proviżorja.

F’Ottubru li għadda, akkużi ġodda li jirrelataw ma’ ħasil ta’ flus u li ppromova organiżazzjoni bil-ħsieb li jikkommetti numru ta’ reati, kienu żdiedu mal-akkużi tiegħu.

L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Justine Grech u Nicholas Vella mexxew il-Prosekuzzjoni, u huma kienu assistiti mill-Avukat Ann Marie Cutajar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Flimkien mal-Avukat Franco Debono l-Avukati Amadeus Cachia uMarion Camilleri deheru għal Jordan Azzopardi.