Wara 9 xhur, fl-aħħar, il-ġisem ta’ Lassane Cisse Suleymane jista’ jiġi rrilaxxat sabiex ikun jista’ jingħata d-difna li jixraqlu. Il-ġisem ta’ Cisse se jittieħed lura pajjiżu, il-Kosta tal-Avorju, sabiex ikun jista’ jingħata l-aħħar tislima.
Lassane Cisse, li kellu 42 sena u kien missier ta’ żewġ ulied, inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar sparati minn karozzi, huwa u miexi f’Ħal Far f’April li għadda.
Minkejja li l-Qorti kienet tat permess għar-rilaxx tal-ġisem ta Cisse, dan baqa’ maqful fil-Kamra Mortwarja. Mistoqsijin minn ħbieb Cisse, għaliex dan id-dewmien, il-Pulizija qalet li kienet qed tistenna firma ta’ Spettur.
Omm Cisse, li kien tifel waħdu, kienet ilha dawn ix-xhur kollha tistenna li l-ġisem ta’ binha jitbgaħat lura lejn pajjiżu. Issa jidher li dan se jkun qed jasal fil-Kosta tal-Avorja fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra.
Bħalissa, fil-Qorti għaddeja l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Francesco Fenech u Lorin Scicluna, iż-żewġ suldati żgħażagħ akkużati bil-qtil ta’ Cisse. Dan il-qtil kien l-ewwel wieħed razjali f’pajjiżna.
L-ispiża biex il-ġisem ta’ Cisse jinġarr lejn il-Kosta tal-Avorju hija kbira u l-komunità Avorjana f’pajjiżna kellha diffikultajiet kbar biex tiġbor biżżejjed flus. Sabiex jgħin f’dan, l-Arċisqof ta’ Malta ta nofs il-qligħ minn kunċert li sar lill-familja ta’ Cisse biex jgħin itaffi mill-ispejjeż.
//= $special ?>