Internazzjonali

Il-Libja: Movimenti ta’ truppi mit-Turkija qabel il-konferenza għall-paċi ta’ Berlin

Movimenti ta’ truppi mit-Turkija

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ħabbar li pajjiżu qed jibgħat it-truppi lejn il-Libja biex jaċċertaw l-istabbiltà tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-movimenti tat-truppi qed isiru qabel il-Konferenza Internazzjonali tal-Ħadd, f’Berlin (fil-Ġermanja), li se tindirizza s-sitwazzjoni tas-sigurtà f’dan il-pajjiż Afrikan.

It-Turkija kienet diġà stazzjonat il-qawwiet ( fil-Libja) biex iħarrġu lill-milizji leali għal Sarraj, bħala parti minn ftehim għal kooperazzjoni fis-sigurtà bejn Ankara u Tripli. Erdogan qal ukoll li, bħala parti minn ftehim marittimu, mhux se jkun aktar possibbli biex pajjiżi oħra jidħlu għal proġetti ta’ esplorazzjoni (fosthom tħaffir) għaż-żejt ’il hinn mill-kosta tal-Libja jekk ma jkollhomx l-approvazzjoni minn Ankara u Tripli.

Is-sitwazzjoni qed tidher aktar inċerta meta t-Turkija qed timpenja ruħha bis-sħiħ biex tappoġġja lill-qawwiet ta’ Sarraj kontra l-Armata Libjana tal-Lvant, immexxija minn Khalifa Haftar, u li ilha minn April għaddejja b’offensiva fuq Tripli. Erdogan, intant, wissa li għandu ‘jagħti lezzjoni lil Haftar’ f’każ li hu ma jwaqqafx il-kampanja militari kontra l-Gvern Libjan appoġġjat min-NU.

Il-President Tork kien qal diġà, fil-bidu ta’ Jannar, li t-truppi tat-Turkija kellhom jibdew stazzjonar gradwali fil-Libja. Iżda minkejja sensiela ta’ disfatti diplomatiċi, it-Turkija qed tindika li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid li ‘krolla’ l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Armata ta’ Haftar.

Fl-aħħar sigħat ingħatat konferma li Haftar se jipparteċipa fil-konferenza tal-Ħadd dwar il-Libja f’Berlin. Il-konferma ngħatat ftit wara li l-kelliema għall-Gvern Ġermaniż kienu qalu li ‘ma setgħux ikunu ċerti’ jekk Fayez al-Sarraj u Haftar, għandhomx jattendu l-konferenza inkwistjoni.

Il-Konferenza dwar il-Libja – li ilha mistennija – qed titqies bħala l-bidu tal-proċess tan-negozjati għall-futur ta’ dan il-pajjiż, taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan meta hu importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex il-Libja tkun tista’ tipparteċipa fil-‘proċess għal regolazzjoni’ fit-territorji tagħha.

Is-sorsi tal-midja relatati mal-Gvern Ġermaniż qalu li r-Russja, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, l-Italja, Franza, it-Turkija, l-Eġittu l-Alġerija, l-Emirati Għarab u r-Repubblika tal-Kongo se jieħdu sehem fil-konferenza ta’ Berlin. Magħhom se jkun hemm ir-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija.

Qabel il-konferma tad-data tal-konferenza, il-President Russu Vladimir Putin kien qal, waqt laqgħa mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, li biex il-konferenza tirnexxi hemm ħtieġa li l-Istati parteċipanti jesprimu ‘interess ġenwin lejn l-appoġġ għar-restawr tal-liġi fil-Libja’. Hu jemmen ukoll li d-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-konferenza jeħtieġu jkunu approvati minn qabel mill-partijiet Libjani rispettivi.

Ftit tal-jiem ilu, kien daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied – propost minn Putin u l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan – bħala parti minn inizjattiva akbar lejn it-tkattir ta’ paċi fil-Libja. L-objettiv tal-waqfien mill-ġlied kien li ma jkomplix il-ġlied bejn il-milizji alleati ma’ Sarraj li qed jiddefendu Tripli u l-qawwiet ta’ Haftar.

Fil-bidu tal-ġimgħa, ir-rappreżentanti tan-naħat Libjani rivali marru f’Moska għal taħditiet u wara, ir-rappreżentanti tal-Gvern ta’ Sarraj (appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti) iffirmaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

Intant, Haftar kien studja d-dokument tal-ftehim iżda wara telaq minn Moska mingħajr ma ffirmah. Aktar tard din il-ġimgħa, imbagħad, żbruffaw mill-ġdid il-konfronti armati fl-inħawi lejn in-Nofsinhar ta’ Tripli, bil-Gvern ta’ Sarraj, permezz ta’ stqarrija, jinsisti li ‘hu lest u determinat li jirbaħ din il-gwerra’.

L-aħħar aħbarijiet mil-Libja qed isostnu li l-ġlied fi Tripli u l-madwar baqgħu għaddejjin wara l-ispinta ġdida ta’ nofs il-ġimgħa.