Internazzjonali

Il-qerda tal-ajruplan Ukren… L-Iran taħt pressjoni biex joħroġ bit-tweġibiet

L-Iran qed jiffaċċja mewġa ta’ pressjoni ġdida biex jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati dwar x’kien seħħ ‘eżatt’ meta, jiem ilu,  twaqqa’ l-ajruplan tal-passiġġieri (Boeing) tal-Ukraine International Airlines – bl-inċident jirriżulta fil-mewt tal-176 persuna abbord.

L-ajruplan niżel fil-madwar ta’ Tehran wara li ntlaqat minn missila li kienet sparata lejh u fl-aħħar sigħat, il-Ministri tal-ħames pajjiżi li nqatlulhom iċ-ċittadini  ltaqgħu f’Londra biex jinsistu għal ‘kjarifika min-naħa tal-Iranjani’.

Qabel il-laqgħa internazzjonali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada, Francois-Philippe Champagne, insista li pajjiżu se jinsisti biex isir jaf eżatt x’kien seħħ ‘fl-aħħar mumenti tal-Boeing’.

Dan meta l-Kanada mexxiet il-laqgħa għar-rappreżentanti tal-erba’ pajjiżi l-oħra —  l-Ukrajna, l-Iżvezja, l-Afganistan u r-Renju Unit – li tilfu liċ-ċittadini fit-tiġrif tal-ajruplan. Intant, hemm it-tamiet li l-pajjiżi jiffissaw u jikkonsolidaw ‘pożizzjoni komuni’ fil-konfront tal-Iran li, min-naħa tiegħu, qed imexxi investigazzjoni dwar it-tiġrif waqt li qed jgħid li l-ajruplan kien twaqqa’bi żball u mingħajr l-ebda intenzjoni.

Il-kriżi dwar l-ajruplan kellha tasal fi żmien mill-aktar sensittiv għall-Iran, sewwa fir-rigward tar-relazzjonijiet tiegħu mal-komunità internazzjonali u anki fuq bażi domestika, wara numru ta’ protesti kontra l-Gvern fil-kapitali Iranjana.

Intant, il-ħames pajjiżi msemmija iddeċidew li jiffurmaw grupp ġdid li jikkoordina r-reazzjonijiet tagħhom, fost l-iżviluppi tal-investigazzjoni li qed imexxi l-Iran. L-aħħar diskussjonijiet ikkonċentraw fuq ‘il-ħtieġa tat-trasparenza min-naħa tar-reġim f’Tehran’.

L-ajruplan, li kien qed jivvjaġġa lejn l-Ukrajna, kien qed iġorr numru ta’ passiġġieri li kienu fi triqthom lejn il-Kanada. It-twaqqigħ tiegħu kien seħħ fost tensjoni akuta bejn l-Iran u l-Istati Uniti wara li, sigħat qabel, il-militar Iranjan kien spara l-missli lejn bażijiet fl-Iraq li qed iservu bħala ċentri għall-qawwiet Amerikani.

Għal tlett ijiem sħaħ wara t-traġedja, l-Iran kien ċaħad kull responsabbiltà għat-twaqqigħ tal-Boeing, iżda, wara pressjoni internazzjonali, il-Gwardja Rivoluzzjonarja — li hi l-aktar qawwa influwenti fil-pajjiż Iżlamiku — aċċettat is-sehem tagħha, fejn qalet li l-qawwiet tad-difiża Iranjani kienu żbaljaw l-ajruplan ‘ma’ missila tat-tip cruise’.