Dettalji dwar laqgħat li suppost saru, somom maqbula, motivazzjoni għad-delitt u anki theddid.
Storja elaborata u mirquma sew dik li kellu jirrakkonta Yorgen Fenech, li jinsab suspettat b’kompliċita’ fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia; storja li kellu jirrakkonta lill-investigaturi fuq struzzjonijiet ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat.
Dawn l-istruzzjonijiet għaddew mingħand Schembri għal għand Fenech permezz ta’ ittra mgħoddija minn Adrian Vella, it-tabib kemm ta’ Keith Schembri kif ukoll ta’ Yorgen Fenech. Adrian Vella kien ammetta mal-pulizija li Keith Schembri kien għadda ittra lil Yorgen Fenech meta dan tal-aħħar kien l-Isptar taħt arrest, iżda l-eks Chief of Staff baqa’ jinsisti li ma ta l-ebda ittra lit-tabib Vella biex jghaddieha lil Yorgen Fenech.
Il-kontenut ta’ din l-ittra kien żvelat mill-portal Lovin Malta u jikkonferma li Keith Schembri kien qed jipprova jitfa’ d-delitt f’ħoġor l-eks Ministru Chris Cardona.
L-ittra tikkonferma dak li kien diġa ħareġ fil-media u fil-Qrati li Yorgen Fenech ingħata struzzjonijiet biex jgħid lill-Pulizija li Chris Cardona kien tkellem ma’ ċertu Toni, magħruf bħala Toni l-Iblaħ biex jiltaqgħu f’bar fis-Siġġiewi.
L-ittra tkompli li Chris Cardona kien qed ipoġġi pressjoni fuq Fredu – referenza għal Alfred Degiorgio – biex jeħilsu minn Daphne Caruana Galizia kemm jista’ jkun malajr għax kienet se tħarbatlu l-kawża ta’ libell li kien fetaħ kontrieha dwar l-allegata żjara fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja.
Dejjem skont l-ittra, Chris Cardona suppost offra €300,000 iżda Degiorgio ried liċenzja fil-Freeport biex ikun jista’ jdaħħal xorb u tabakk bil-kuntrabandu.
Eventwalment, Melvin Theuma jidħol fl-istorja u skont l-iscript allegatament miktuba minn Keith Schembri, Melvin Theuma kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’razzett u d-diskors waqa’ fuq il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u li qed tikteb affarijiet dwaru. Yorgen Fenech kellu jgħid lill-investigaturi li ftit wara, Melvin Theuma sab lil Fenech Portomaso ftit qabel daħal għax-xogħol u qallu li Caruana Galizia spiċċat, u jħalli f’idejh, b’Fenech suppost iwieġeb li hu ma jagħmilx dawn l-affarijiet.
L-ittra tkompli li Yorgen Fenech kellu jagħti l-impressjoni li hu inqabad f’sensiela ta’ ċirkostanzi li ma setax iwaqqaf u li saħansitra li l-flejjes li kien ħallas ħallashom għax safa mhedded.
Wara li seħħ id-delitt, l-ittra tkompli li Fenech kien sab lil Melvin fejn il-lukanda Hilton u talbu €120,000 biex jitħallsu xi nies, b’Theuma allegatament jgħidlu li jekk ma jħallasx, hu jispiċċa jgħaddi minn dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia. Fenech eventwalment ħallas. Ftit wara li saru l-arresti tal-aħwa Degiorgio u ta’ Vince Muscat f’Diċembru 2017, Theuma kien sab lil Fenech u staqsieh għalfejn kixifhom, b’Fenech iwieġeb li ma setax jikxef lil min jaf.
L-ittra tkompli kif fix-xhur ta’ wara l-arrest tagħhom, Melvin Theuma allegatament baqa’ jirrikatta lil Yorgen Fenech permezz ta’ recordings u li maż-żmien dan ħadlu mal-€450,000, li ġiegħlu jtih permess biex iħaddem it-tieni vettura tat-taxi fil-lukanda Hilton u biex iwaqqa’ l-appell għad-direct order li ngħata lill-casino tal-lukanda Westin.
Dan kollu wassal lil Yorgen Fenech biex allegatament jaqa’ fil-vizzju tad-droga u kellu jmur għar-rijabilitazzjoni darbtejn, sakemm f’Novembru tas-sena li għaddiet – iktar minn sentejn wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma kien arrestat.
It-traskrizzjoni tal-ittra ippubblikata minn Lovin Malta turi partijiet ingassati u bil-korsiv. Dawn kienu partijiet mill-ittra li allegatament inqatgħu u kienu miżjuda rispettivament minn Yorgen Fenech.
//= $special ?>