Internazzjonali

Ir-Russja: Approvata l-għażla ta’ Putin għal Prim Ministru

Il-Parlament tar-Russja appoġġja bil-kbir l-għażla tal-President, Vladimir Putin, għar-rwol ta’ Prim Ministru. Dan meta l-għażla ta’ Putin kienet waqgħet – bi ftit tas-sorpriża – fuq Mikhail Mishustin li ma għandu l-ebda profil politiku partikulari.

Id-deċiżjoni hi parti mit-theżżiża tas-sistema politika tar-Russja li kien ħabbar Putin f’nofs il-ġimgħa. It-theżżiża kienet wasslet għar-riżenja, b’mod effettiv,  tal-Prim Ministru Dmitry Medvedev u l-Gvern tiegħu.

Il-bidliet jitqiesu bħala tattika ta’ Putin biex iżid il-perjodu tal-poter u meta għalissa hu intiż li jispiċċa mill-Presidenza fl-2024. Vladimir Putin ilu jiddomina l-politika tar-Russja – bħala President kif ukoll bħala Prim Ministru – għal dawn l-aħħar 20 sena.

Il-kamra t’isfel tal-Parlament Russu (Duma) intant ivvutat favur in-nomina ta’ Mishustin bi 383 vot favur mill-424 voti li ntefgħu. Ma vvota ħadd kontra iżda kien hemm 41 astensjoni. Il-vot ittieħed wara li Mishustin kien għamel diskors lill-kamra u qal li għandu jħabbar il-Kabinett ġdid fil-futur qarib.

Mikhail Mishustin, li għandu 53 sena, kien imexxi s-servizzi tat-taxxa fir-Russja fejn kien imfaħħar għal kif tejjeb is-sistemi għall-ġbir tat-taxxi dovuti lill-Istat.