Lokali

Kampanja ta’ crowdfunding kontra l-pjan tal-Ġordaniżi f’Bormla

L-attivisti tal-għaqda non-governattiva Azzjoni: Tuna Artna Lura qed jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li huma lesti għal battalja tat-tip “David u Gulija” biex iwaqqfu l-pjan tal-iżviluppaturi Ġordaniżi f’Bormla.

L-organizzazzjoni nediet kampanja ta’ crowdfunding bit-tama li jinġabru €5,800 għall-isforzi legali u arkitettoniċi, kif ukoll għal rapporti, riċerka, diżinn u stampar meħtieġa, fost l-oħrajn. Dan bħala parti mill-fażi li tmiss fil-kwistjoni li issa ilha għaddejja x-xhur.

Rebecca Cremona, waħda mill-fundaturi ta’ Tuna Artna Lura qalet li l-organizzazzjoni temmen li l-protesti mhumiex biżżejjed, minkejja li wasslu biex jitwaqqfu żewġ applikazzjonijiet ta’ ippjanar. Iżda ladarba l-iżviluppaturi Ġordaniżi appellaw, issa hemm il-ħtieġa ta’ għajnuna finanzjarja għall-proċess legali.

Sa 24 siegħa mill-ftuħ tal-kampanja ta’ crowdfunding kienu diġà nġabru €800, bil-ko-fundatur tal-organizzazzjoni qalet li sfortunatament, is-sistema taqbeż għalmin għandu ħafna flus u l-iżviluppaturi Ġordaniżi jifilħu dawn l-ispejjeż.

Bħalma David għeleb lil Gulija biex l-applikazzjoni kienet rifjutata oriġinarjament, Gulija reġa’ lura bil-muskoli finanzjarji. Iżda għal darb’oħra, David mhux se ħalli l-flus ta’ Gulija jintimidawh ladarba l-proposta tal-Ġordaniżi kienet u għadha mostruża, itennu ta’ Tuna Artna Lura.

Rebecca Cremona temmet b’appell għall-komunità kollha biex tingħaqad għal din il-ġlieda b’risq dak li hu tagħna: il-wirt kulturali u spazji miftuħa għal kulħadd.