Lokali

Kostitwenti diżappuntati jatuha għal Facebook

Wara li tħabbar uffiċjalment il-Kabinett il-ġdid ta’ Robert Abela, kienu diversi dawk il-Laburista li tawha għal Facebook biex jesprimu d-diżappunt tagħhom. Fosthom,  Charmaine Craus,  eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ dak li sa ftit tal-jiem ilu kien il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi.

Craus li għal snin twal ħadmet ukoll fil-media bħala gurnalista, faħħret lil Joe Mizzi għall-lealtà li dejjem kellu lejn il-prinċipji tiegħu.

Iżda Craus ma kinitx waħedha li wriet id-diżappunt tagħha, hekk kif fuq Facebook tfaċċaw aktar kummenti minn kostitwenti ta’ Joe Mizzi, li kienu rrabbjati għan-nuqqas ta’ kontinwintà u kif mexa Abela ma’ wieħed minn dawk li baqa’ jdejh nodfa.

Aktar w’aktar fuq kummenti li Robert Abela wera kemm għandu għal qalbu lill-Għawdxin meta ta żewġ ministeri lil żewġ Għawdxin, Justyne Caruana  u Clint Camilleri.  Kummenti li komplew saħħnu lil ħafna mit-tieni distrett li qalu li bl-istess argument, huma ġew għal kollox minsija.

Anton Refalo, li kien Ministru t’Għawdex sal-2017, ukoll uża Facebook biex iwassal messaġġ pjuttost stramb. Refalo kiteb li “fiċ-ċirkustanzi” mhux dejjem ser ikun possibbli għalih li jsarraf l-appoġġ ġenwin tagħhom f’ħidma għalihom u għall-familji tagħhom.

Mhux ċar jekk l-eks Ministru hux qed jirreferi għall-fatt li ma reġax ingħata l-Ministeru l-antik tiegħu, u allura mhux se jkun jista jaqdi lill-Għawdxin kif jixtieq.

Il-Prim Ministru bil-ħatriet li għamel fil-Kabinett, ħarbat għal kollox dak li kien il-Kabinett ta’ Joseph Muscat, hekk kif kienu biss ftit il-Ministri li zammew id-dekasteri tagħhom, b’ħafna oħrjan jaraw tibdil fir-responsabbilitajiet tagħhom. U b’nies bħal Joe Mizzi, Anthony Agius Decelis u Chris Cardona jispiċċaw b’idejhom vojta.