Lokali

Malta involuta f’allegat ħasil ta’ flus minn Mafja Taljana

Banek f’Malta allegatament intużaw mill-Mafja Taljana għal operazzjoni kbira fi Sqallija. L-intenzjoni tal-Mafja kienet li jkunu ffrodati 10 miljun ewro f’fondi li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-bdiewa.

Id-dettalji kienu kkonfermati minn kelliem mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, hekk kif il-media Taljana rrappurtat li il-Pulizija f’Messina arrestaw 94 persuna kmieni l-Ħamis filgħodu.

Il-frodisti kienu qed jiddikjaraw biċċiet kbar ta’ art li fil-verità huma propjetà ta’ kunsilli reġjonali u lokali, u għalihom, kienu qed jieħdu fondi Ewropej. Allegatament, dawn kienu jgħaddu minn għadd ta’ banek, fi proċess ta’ ħasil ta’ flus, biex ma jkunux traċċati faċilment. Minbarra ta’ Malta, kien hemm banek Litweni u Bulgari, fost l-oħrajn.

Skont il-kelliem mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus qed ikunu investigati mill-istituzzjonijiet relatati, f’koperazzjoni bejn l-awtoritajiet Taljani u dawk tal-pajjiżi milquta.