Lokali

Numru ta’ fergħat tal-BOV b’ħinijiet ta’ ftuħ itwal

Il-Bank of Valletta, permezz ta’ stqarrija, ħabbar li għal darb’oħra qed joffri s-servizz ta’ sigħat itwal minn 19-il fergħa tiegħu. L-għan ta’ din l-inizjattiva hu li jakkomoda il-ħajja tal-klijenti u b’hekk jagħmilha aktar faċli għalihom sabiex jaqdu l-ħtiġijiet bankarji tagħhom.

Il-ħinijiet tal-ftuħ itwal għall-klijenti huma mit-3.30pm sas-6.00pm kull nhar ta’ Ħamis.

Il-Fergħat tal-BOV li se jkunu qed joffru sigħat itwal huma dawk li jinsabu l-Balluta, Birżebbuġa, il-Fgura, il-Gżira, il-Ħamrun, Ħal Qormi, Ħ’Attard, Il-Belt Valletta, Marsaskala, il-Mosta, in-Naxxar, Paola, ir-Rabat Malta, ir-Rabat (Victoria) Għawdex, San Ġwann, is-Siġġiewi, Tal-Ibraġ, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.

Matul dawn is-sigħat, il-klijenti jistgħu jiftħu kontijiet ġodda, jiddiskutu l-għażliet ta’ investiment, japplikaw għall-prodotti tal-BOV bħal self għad-djar, self personali, BOV Cards kemm tad-debitu u tal-kreditu, u s-servizzi tal-Internet Banking. Il-klijenti jistgħu ukoll jitolbu informazzjoni dwar dawn is-servizzi.

Klijenti li jkunu jixtiequ jagħmlu użu mis-servizzi imsemmijin hawn fuq, huma mħeġġa biex jagħmlu appuntament.