Sport Waterpolo

Prestazzjoni deludenti fl-ewwel sessjoni determinanti fit-telfa kontra t-Turkija

Rapport: Stewart Said

MALTA………………….. 10

TURKIJA……………….. 13

(1-5), (3-4), (2-1), (4-3)

Din il-logħba kienet mistennija ħafna mit-tim nazzjonali Malti u dawk kollha dilettanti tal-waterpolo għaliex kien hemm il-possibbiltà li Malta tirbaħ u jkollha ċans tajjeb li tispiċċa mal-aqwa 12 fl-Ewropa. Iżda l-logħba marret kontra dak kollu ppjanat bi prestazzjoni negattiva u għalhekk ir-rebħa għat-Turkija kienet meritata. Logħba għat-telgħa mill-bidu li t-tim Malti qatt ma seta’ jirkupra. Il-preparazzjoni għal dan il-konfront kienet tajba u kbira iżda l-plejers Maltin jista’ jkun li ħallew l-emozzjoni tiġri bihom flok lagħbu aktar b’moħħhom.

Għalkemm kien hemm xi deċiżjonijiet kontroversjali mir-referees, żgur li ma kinux il-kawża prinċipali tat-telfa. Perstenaġġ fqir immens mill-man-ups b’ħames gowls biss skorjati minn 16-il man-up, nuqqas ta’ dixxiplina fid-difiża u filwaqt li fl-attakk li ma kinux preċiżi, bl-unika nota pożittiva tkun il-prestazzjoni ta’ Ben Plumpton li sab ix-xibka ħames darbiet.

Dan kienet it-tielet konfront bejn Malta u t-Turkija fil-Kampjonat Ewropew. F’Belgrad erba’ snin ilu, Malta kienet spiċċat fil-15-il post wara li rebħet 14-13 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba ntemmet 10-10. Sena u nofs ilu f’Barcelona, kienet it-Turkija li rebħet 13-12 bl-għoti tal-penalties u spiċċat fil-15-il post.

Bidu diżastruż għat-tim Malti hekk kif it-Turkija kienet aktar aggressiva u kisbet vantaġġ meritat ta’ 5-1. Berk Biyik fetaħ l-iskor minn man-up fl-ewwel azzjoni, b’Fatih Acar u Emirhan Yenigun ikabbru l-vantaġġ għal tliet gowls. Aurelien Cousin naqqas id-distakk f’okkażjoni ta’ man-up doppju iżda fl-azzjoni ta’ wara Emre Gurdenli għamel l-iskor 4-1 bi ġmiel ta’ backhand. Nesfet Ozbek skorja l-ħames gowl u li kieku ma kienx Nicky Grixti l-iskor kien jikber aktar.

Il-kompattezza tat-tim Malti fit-tieni sessjoni reġgħet naqset li tkun kif suppost u t-Torok bdew isibu x-xibka b’faċiltà. Huma saħansitra marru 8-1 minn fuq b’gowls ta’ Berk Biyik minn man-up, Nadir Sonmez u Mehmet Yutmaz. Reazzjoni mit-tim Malti b’xutt mis-sitt metri ta’ Jordan Camilleri u gowl ta’ Matthew Zammit li qabbeż fuq Attila Sezer. Id-disa’ gowl tat-Turkija wasal minuta mit-tmiem b’gowl ta’ Nesfet Ozbek li seta’ ġie evitat, b’Aurelien Cousin jiskorja man-up veloċi għal 9-4.

Għalkemm it-tim Malti rebaħ it-tielet sessjoni, Karl Izzo tilef mill-ilma lil Aurelien Cousin, Stevie Camilleri u Dino Zammit, jiġifieri tlieta mill-ewwel sebgħa. It-Torok naqqsu mis-saħħa fl-attakk u kien anqas ta’ periklu għal Grixti. Iżda t-tim Malti reġa’ kien fqir fl-attakk b’numru ta’ man-ups falluti. Minħabba d-distakk ta’ ħames gowls, it-tim Malti beda jiġri wara l-logħba. Ben Plumpton naqqas id-distakk fil-bidu minn man-up iżda madwar ħames minuti mit-tmiem tas-sessjoni, Aurelien Cousin u Mehmet Yutmaz tkeċċew it-tnejn, b’Nadir Sonmez jiskorja ftit sekondi wara.

Plumpton skorja t-tieni gowl personali, iżda madwar żewġ minuti mit-tmiem tas-sessjoni, daqqa ta’ ħarta għal Malta bil-captain Stevie Camilleri jitkeċċa b’sostituzzjoni, l-istess kif ġralu Dino Zammit ftit sekondi wara. Emirhan Yenigun ġralu l-istess 20 sekonda mit-tmiem, iżda l-plejers Maltin fallew man-up ieħor.

It-tim Malti baqa’ jittama fl-aħħar sessjoni li jirkupra u l-gowl minn man-up veloċi ta’ Plumpton ta ftit tama. L-għażliet għal Karl Izzo komplew jonqsu bit-tkeċċija minn fuq il-bank ta’ Jeremy Abela. Nadir Sonmez għamel l-iskor 11-7 u ftit wara Jerome Gabarretta skorja gowl sabiħ għal 11-8.

Jordan Camilleri temm il-logħba tiegħu f’nofs l-aħħar sessjoni bit-tielet tkeċċija fil-logħba li kienet pjuttost kontroversjali, b’Mehmet Dilek jieħu vantaġġ u jiskorja mill-azzjoni. Ege Kahraman tkeċċa wkoll b’sostituzzjoni u wara Fatih Acar għamel l-iskor 13-8, it-tim Malti naqqas id-distakk fl-aħħar minuta u nofs permezz ta’ doppjetta minn Ben Plumpton li flimkien ma’ Nicky Grixti kienu l-aħjar żewġ plejers ta’ Malta.

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta (1), A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit (1), S. Camilleri, J. Camilleri (1), J. Abela, A. Cousin (2), B. Plumpton (5), Di. Zammit, A. Borg Cole

Turkija: A. Sezer, S. Caner, M. Yutmaz (1), F. Acar (2), B. Biyik (2), E. Gurdenli (1), E. Yenigun (1), O. Senemoglu, N. Sonmez (3), N. Ozbek (2), E. Kahraman, G. Dilek (1), H. Kil