Lokali

Robert Abela jżomm lix-Xandir tal-Istat f’idejh

Minkejja li ħatar l-akbar Kabinett fl-istorja ta’ Malta – saħansitra wieħed akbar milli ħatar Joseph Muscat – il-Prim Ministru Robert Abela jidher li ma jħossux komdu jafda lil ħadd minn ta’ madwaru bix-Xandir tal-Istat.

Hekk kif issa nqatgħet il-kużità dwar min se jifforma parti mill-Kabinett ta’ Abela, il-Prim Ministru żamm lil Carmelo Abela bħala Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li se jkun responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli, djalogu soċjali u implimentazzjoni tal-manifest elettorali.

Fil-portafoll ta’ Carmelo Abela hemm fost l-oħrajn ix-Xandir tal-Istat, li hu arma kruċjali biex il-Gvern iwassal il-messaġġ politiku tiegħu. Propju għalhekk, hi interessanti d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Abela li taħt ir-responsabbiltà tiegħu żamm ukoll lix-Xandir tal-Istat.

Sa minn qabel ma kien elett Mexxej Laburista, Abela qal diversi drabi li jekk ikun elett fit-tmexxija tal-pajjiż, hu ried iwettaq riformi intensivi fil-PBS. U issa li ġie elett, m’hemm xejn aktar xi jżommu mill-kontroll assolut ta’ magna daqstant importanti.

Taħt diversi Gvernijiet Soċjalisti u Laburisti, sa mis-snin 80, ix-Xandir tal-Istat intuża’ ħafna drabi bħala paraventu għall-Gvern, filwaqt li nstab għal diversi drabi ħati li ma mexiex kif xieraq mal-Oppożizznoni Nazzjonalista, kif ukoll ma’ organizzzazzjonijiet oħrajn li mhux dejjem qablu mal-politika tiegħu.

U hekk kif Robert Abela ħass li kellu jżomm taħt idejh ukoll lix-Xandir tal-Istat, diversi membri tal-Kabinett gergru għall-fatt li mhux qed iħossuhom fdati mis-suċċessur ta’ Muscat. Dan anke wara li għadd minnhom spiċċaw bil-portafoll tagħhom imnaqqar ħalli Robert Abela jkun jista’ jagħżel Deputati qrib tiegħu għal dawn il-karigi.