Lokali

Spettaklu live fl-Istitut Kattoliku minn Spiteri Lucas Entertainment

Wara s-suċċess miksub f’dawn l-aħħar snin b’għadd ta’ produzzjonijiet spettakolari, Spiteri Lucas Entertainment se tippreżenta “A Night with Paul Anka, Elton John and the Best of Divas”, spettaklu mużikali li ser jittella’ s-Sibt 25 ta’ Jannar u l-Ħadd 26 ta’ Jannar fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku l-Furjana.

Dan huwa spettaklu għall-familja kollha mżewwaq b’kant, mużika, korjografija, kostumi u diversi effetti oħrajn li żgur se joffri attrazzjoni differenti lil kull min ħa jattendi għalih.

Tkellimna mas-Surmast Mark Spiteri Lucas fejn  kellimna dwar id-diversi suċċessi mużikali li se jiġu interpretati minn uħud mill-aqwa katanti ta’ pajjiżna.

Fost il-protagonisti li se jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu nsibu lil Ludwig Galea, Chiara, Michela Galea, Laura Bruno, Debbie Scerri, Jackie Pace Delicata, Ivan u Krista Spiteri Lucas, Janvil, Christina Magrin, Neville Refalo u Josef Tabone li għandu f’idejh id-direzzjoni ta’ kor magħmul minn 40 tifel u tifla u adolexxenti li ħa jkunu qed jakkumpanjaw f’uħud mis-siltiet li se jiġu interpretati waqt dan l-ispettaklu.

Novità għal din is-sena hija l-introduzzjoni ta’ 4 kantanti żgħażagħ, Nicole Vella, Victoria Sciberras, Rachel Lowell u Jade Vella li, se jkunu qed ikantaw fi dwett ma’ xi wħud mill-kantanti stabbiliti li hemm fil-cast.

L-arranġamenti u d-direzzjoni mużikali huma f’idejn Mark Spiteri Lucas, filwaqt li l-korjografija ġiet fdata f’idejn Celaine Buhagiar u ż-żeffiena minn Dancel Dance Studio. Id-direzzjoni artistika se tkun f’idejn Ludwig Galea.