Internazzjonali

Tħassib dwar it-tniġġiż tal-ajru fin-Nofsinar tal-Ewropa

TL-ibliet madwar in-nofsinar tal-Ewropa qed jiffaċċjaw livelli għolja ta’ tniġġiż tal-ajru meqjusa bħala perikolużi għas-saħħa. Dan wara li t-tniġġiż tal-ajru – jew smog – kien ikkawżat minn perjodi ta’ nixfa fit-tul u sensiela ta’ irwiefen ħfief.

Fl-Italja, ħarġu direttivi għall-projbizzjoni mit-toroq tal-vetturi li jaħdmu bid-diesel u li se jkunu implimentati għal żmien temporanju. Id-direttivi huma applikabbli f’numru ta’ bliet, b’Ruma, inkluża, bħala sforz biex jonqsu l-livelli tat-tniġġiż.

Il-projbizzjonijiet japplikaw għall-aktar ħinijiet attivi għat-traffiku u r-restrizzjonijiet mistennija jibqgħu fis-seħħ għall-jumejn li jmiss. L-ibliet ta’ Milan u Turin huma fost l-ibliet Taljani oħrajn li ħadu azzjoni simili wara r-rapporti dwar iż-żieda fit-tniġġiż tal-ajru fi bnadi oħra tal-Italja.

Fil-Bosnija-Erzegovina, intant, qed joħorġu d-dimostranti bil-maskli tal-gass biex jipprotestaw għal azzjoni mill-Gvern fil-konfront tat-tniġġiż tal-arju. Intant, l-uffiċjali tal-Gvern f’Sarajevo qegħdin jorganizzaw il-laqgħat urġenti biex jiddiskutu miżuri biex jikkontrollaw it-tniġġiż.

Ir-residenti tas-Serbja, sadanittant, qed ikunu mwissija biex jibqgħu ġewwa u jevitaw l-attività fiżika minħabba l-kwalità tal-ajru. It-twissija tgħodd l-aktar għall-persuni li jbatu bil-kundizzjonijiet tan-nifs bħall-asthma.

Dan waqt li l-ambjentalisti qegħdin ifissru s-sitwazzjoni tas-smog f’dawn il-pajjiżi bħala ‘emerġenza’.