Futbol Sport

Aħna flimkien nistgħu nibnu xi ħaġa – Devis Mangia, kowċ tat-timijiet nazzjonali ta’ Malta

Objettivi, ħidma, tagħlim u fatti. Dawn huma ftit mill-ingredjenti li mistennija jikkaratterizzaw il-ħidma ta’ Devis Mangia bħala kowċ tat-timijiet nazzjonali. Mangia nħatar f’din il-kariga b’kuntratt sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2023, bl-għan li jmexxi pjan tattiku li jgħin biex jitjieb il-livell tal-futbol Malti.

Fl-ewwel kummenti tiegħu f’konferenza stampa, Mangia rringrazzja lill-President tal-MFA Bjorn Vassallo tal-ħsieb tiegħu biex imexxi dan il-proġett ambizzjuż. Fost l-għanijiet tiegħu, hemm li jinħoloq tim ta’ nies li tiġbor lil kulħadd, bl-għan għandu jkun li l-plejer tal-futbol jitjieb. Mangia saħaq dwar il-bżonn li tinħoloq linja gwida fil-filosofija stabbilita minnu u żied li din il-linja trid tinżamm minn kulħadd. Hu kompla li ma jħossx pressjoni żejda imma għandu responsabbiltà.

It-Taljan ta’ 45 sena, flimkien mal-kollaboraturi tiegħu, kien qed isegwi l-logħbiet mill-Kampjonat Premier il-ġimgħa li għaddiet. “Ma nistax ngħaddi ġudizzju fuq ftit partiti. Imbagħad mhux biss irrid nara imma rrid nikkowċja lill-plejers. Żgur hu li se jkun eżami kontinwu għal kulħadd u fit-timijiet nazzjonali kollha, il-plejers irid ikun jimmeritahom li jkollhom post.”

Mangia li fil-passat mexxa lil Palermo fis-Serie A, ried iwassal il-messaġġ li hu persuna barrani li daħal fil-familja tal-futbol Malti u għalhekk irid li jaħdem biex iħalli xi ħaġa. “Konvint li jekk aħna u mhux jien naħdmu flimkien, nistgħu nibnu xi ħaġa.” L-ewwel impenn ta’ Mangia fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-kbar se jkun f’Marzu f’tournament f’pajjiżna kontra Ġibiltà, Liechtenstein u l-Ażerbajġan.

Min hu Devis Mangia?

Għalkemm għandu 45 sena, Mangia hu kowċ ta’ b’25 sena esperjenza. Hu beda jaħdem f’diversi akkademji professjonali fl-Italja u kien kowċ fit-tielet u r-raba’ diviżjoni Taljana. Fl-istaġun 2010/11, hu kien il-kowċ tal-Primavera ta’ Varese u fl-istaġun ta’ wara mexxa lil Palermo fis-Serie A. Fl-istaġun 2012/13, Mangia nħatar kowċ tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena fejn fosthom mexxa lit-tim sal-finali tal-Kampjonat Ewropew.

Wara tliet snin kowċ ta’ Spezia, Bari u Ascoli fis-Serie B, fl-istaġun 2017/18 inħatar kowċ ta’ Universitatea Craiova fir-Rumanija u mexxa lit-tim fl-aħħar żewġ staġuni. Fl-ewwel staġun tiegħu, hu mexxa lit-tim sat-tielet post fil-kampjonat Rumen u rebaħ il-finali tat-Tazza Rumena, bit-tim javvanza sat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League.