Ekonomija

Blackrock fiduċjuża fl-ishma teknoloġiċi

Melvyn Mangion jitkellem ma’ Net News dwar l-ahhar zviluppi fis-swieq finanzjarji internazzjonali

L-akbar kumpanija fid-dinja fil-qasam tal-investiment, Blackrock esprimiet kunfidenza li l-ishma fis-settur tat-teknoloġija jistgħu jirrendu fit-tajjeb matul l-2019. Dan wara li l-Indiċi tan-Nasdaq esperjenza l-ewwel tnaqqis f’dan is-settur f’seba’ snin.  

Ishma teknoloġiċi mill-Istati Uniti saċ-Ċina batew is-sena li għaddiet, kemm minħabba tkabbir ekonomiku kajman kif ukoll minħabba tħassib marbut mat-tilwim kummerċjali bejn iż-żewġ naħat. L-Indiċi FANG+ tilef man-nofs tirljun dollaru fil-valur fuq perjodu ta’ sena. Kwistjonijiet oħra li dgħajfu l-prestazzjoni ta’ dawn l-ishma fl-Amerika kienu l-introduzzjoni ta’ regolamenti u policies ġodda marbuta mal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll l-arrest tal-Kap tal-Finanzi ta’ Huawei Technologies li tefa’ d-dawl fuq l-operat tal-akbar kumpanija teknoloġika fiċ-Ċina.

Madankollu, Kate Moore, analista ewlenija ta’ Blackrock qalet li l-vantaġġ tal-ishma teknoloġiċi huwa li l-fatt li joperaw f’setturi differenti u fi swieq differenti u għaldaqstant kapaċi jifilħu aktar għall-impatt ta’ kriżijiet speċifiċi. Filwaqt li l-ishma teknoloġiċi jibqgħu mfittxija, l-aktar ishma popolari mal-invetituri ta’ Blackrock huma dawk fis-settur tas-saħħa. F’dinja fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ u aktar persuni f’swieq emerġenti jifilħu jħallsu għal ċertu mediċinali, dan huwa meqjus bħala settur li mistenni jkompli jikber bis-saħħa u jirrendi sew għal min jinvesti.

F’analiżi ġeofrafika, Kate Moore indikat l-ishma Ewropej bħala l-inqas favorevoli minħabba tensjonijiet politiċi u tkabbir ekonomiku batut.

Tikber il-popolarità tal-assigurazzjoni tas-saħħa fiċ-Ċina

L-assigurazzjoni tas-saħħa għaddiet lill-assigurazzjoni fuq il-ħajja fiċ-Ċina hekk kif numru ta’ konsumaturi bi dħul għoli qed ifittxu soluzzjonijiet alternattivi għal għajnuna fqira mill-Istat.

Filwaqt li s-settur bħalissa hu dominat minn kumpaniji lokali bħal China Life u Ping AN, kumpanija barranin fosthom AXA (Franċiża) u AIA (ibbażata f’Ħong Kong) qed ifittxu li jieħu vantaġġ minn miżuri riċenti meħuda biex jinfetaħ is-suq.

Mill-2014 sal-2017, kien hemm żieda qawwija f’assigurazzjonijiet fuq stil ta’ investiment li kienu jinkludu parti żgħira ħafna ta’ protezzjoni kontra r-riskju. Dan wassal biex numru ta’ kumpani żgħar bħal Anbang Insurance saru kumpaniji enormi li wasslu r-regolaturi biex jieħdu azzjonijiet, imħassba mir-riskju finanzjarju. Minn dak iż-żmien, ir-regolturi bdew iħeġġu lill-assiguraturi biex jiffukaw fuq prodotti marbuta mal-protezzjoni. Il-primjums fil-qasam tas-saħħa żdiedu b’23% fl-ewwel għaxar xhur tal-2018 meta mqabbla ma żieda komplessiva ta’ 2% fil-qasam tal-assigurazzjoni.

Sas-ssena li għaddiet, in-nefqa fuq is-saħħa kienet biss ta’ 6.2% tal-prodott gross domestiku Ċiniż, meta mqabbla ma’ 7.6% fil-Korea t’Isfel u 10.7% fil-Ġappun.

Madankollu xorta għad fadal numru ta’ ostakli f’dan is-settur. L-akbar waħda hija li diversi sptarijiet ma jagħtux indikazzjoni ċara tal-ispejjeż involuti u għalhekk il-kumpaniji jevitaw li jipprovdu assigurazzjonijiet wiesa’, iżda minflok jipprovdu ħlasijiet ta’ darba marbutin ma’ mard speċifiku.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.