Lokali

Għalissa l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għandha tiġi sospiża

Ir-reputazzjoni u l-istabbiltà ta’ pajjiżna hemm bżonn li jergħu jissaħħu. Malta trid tkun kommessa għal standars trasparenti, etiċi u professjonali.  Għalhekk għandna titwettaq ir-riforma neċessarja min-naħa tal-Gvern.

Sentiment li joħroġ mill-proposti li qed tressaq il-Kamra tal- Kummerċ, hekk kif prezentat dawn l-istess proposti dwar il-governanza lill-Prim Ministru Robert Abel.

Il-Kamra tal-Kummerc issostni li l-pajjiż ma jistax jistenna li jesperjenza rati tajbin ta’ tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà fit-tul mingħajr tmexxija tajba. Dan fl-istess ħin li  n-negozji ma jistgħux jirnexxu mingħajr stabbiltà ekonomika.

Il-Kamra tal-Kummerċ, kif konsistentement għamlet minn mindu kienu żvelati rivelazzjonijiet fil-Panama Papers, tkompli tinsisti fuq iż-żamma inekwivoka tat-tliet pilastri ewlenin ta’ governanza tajba –  ir-responsabbiltà, it-trasparenza u s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna.

Għal din ir-raġuni, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jkunu diskussi diversi punti meqjusa krucjali matul l-ewwel 100 jum tal-Prim Ministru Robert Abela.

Fosthom li l-Ministru ġdid għall-Governanza Tajba għandu jiżgura standards fil-karigi pubblici, jippromwovi tmexxija tajba, filwaqt li jiġu implimentati dawk ir-riformi li fil-preżent pajjiżna għandu bżonn.

Il-Prim Ministru għandu jindirizza t-tħassib u l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw kuntratti maġġuri li ġew iffirmati jew daħlu f’dawn l-aħħar seba ‘snin. Jekk ikun hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw aktar investigazzjoni dwarhom, dawn għandhom ikunu ħielsa minn kull interferenza politika u għalhekk jiġu konklużi b’mod mill-iktar prattiku.

Ħaġa oħra li għandha ssir hija li tiġi sospiża b’mod temporanju l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, dan sabiex ikun assigurat li titwettaq kull investigazzjoni meħtieġa.

Finalment għandha titwettaq valutazzjoni tal-mod kif għandhom jinħatru pożizzjonijiet ta’ importanza nazzjonali bħall-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.