Formula 1 Sport

Grand Prix ġdid tal-Formula 1 fl-Arabja Sawdija mill-2023?

(Ritratt: motorsport.com)

L-Arabja Sawdija żvelat pjanijiet dettaljati dwar ċirkwit ġdid b’intenzjoni li tospita l-ewwel Grand Prix tal-Formula 1 fl-2023. Iċ-ċirkwit ta’ Qiddiyah se jkun parti minn pjan ta’ kumpless sportiv ftit bogħod mill-belt ta’ Riyadh, pjan iddisinjat mill-eks xufier tal-Formula 1 Alexander Wurz.

Fost il-mistiedna waqt il-preżentazzjoni, kien hemm l-eks champion tal-Formula 1 Damon Hill, flimkien mal-eks xufiera David Coulthard u Nico Hulkenberg u x-xufier ta’ Haas Romain Grosjean u l-eks sewwieq tal-MotoGP Loris Capirossi. Iċ-ċirkwit jista’ jkun skont l-istandard biex jospita kemm Grand Prix tal-Formula 1 u tal-Moto GP.

F’kumment mal-media internazzjonali, il-Kap Eżekuttiv ta’ Qiddiya Investment Company Mike Reininger, stqarr li l-formalitajiet tal-Grand Prix mhumiex f’idejn dawk li qegħdin jieħdu ħsieb il-pjanijiet dwar iċ-ċirkwit. Reininger kompla li huma responsabbli li jibnu faċilitajiet adekwati biex jospitaw avvenimenti mondjali. Il-Formula 1 naqset milli tikkumenta dwar dan il-proġett.

Possibbilment, l-ewwel tellieqa fl-Arabja Sawdija tista’ tkun parti mill-kalendarju tal-2022. Minkejja li t-trakka tista’ tkun lesta sas-sena d-dieħla, il-proġett komplut hu ppjanat li jitlesta sal-2023 u b’hekk iċ-ċirkwit f’Qiddiyah ma jkunx jista’ jospita tlielaq qabel it-tlestija tal-proġett kollu.

L-aħbar dwar dan il-proġett ġabet magħha numru ta’ reazzjonijiet minn gruppi li jiddefendu d-drittijiet umani. Numru ta’ organizzazzjonijiet sportivi ġew akkużati bħala kompliċi fit-tentattiv biex jiddevjaw l-attenzjoni dwar il-problemi tal-pajjiż fil-konfront tad-drittijiet umani.