Lokali

Il-PM ma jiċċensurax lil Rosianne Cutajar, li ddikjarat li l-embrijun mhux bniedem

L-għada tad-dikjarazzjoni qawwija kontra l-abort, hu kien mistoqsi minn NET News dwar każ ta’ Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tiegħu li kienet iddikjarat li l-embrijun mhux bniedem.

Kienet is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li, f’April 2018, iddikjarat dan fuq Facebook wara li anke fil-Parlament tkellmet favur l-iffriżar tal-embrijuni umani.

Waqt laqgħa mat-tmexxija tal-Knisja Maltija, meta mistoqsi dwar jekk jikkundannax dak li kitbet Rosianne Cutajar – li ddaħħlet fil-Kabinett minn Abela nnifsu – Robert Abela ddejjaq u ma riedx jiċċensuraha.

Min-naħa tiegħu, dwar dan is-suġġett, l-Arċisqof Scicluna tenna li biex inkunu nistgħu ngawdu l-ġenerazzjonijiet futuri, għandna l-ewwel inħalluhom jitwieldu u jgħixu.

Aktar minhekk, qal li għandna ngħinu lil dawk il-persuni li għal xi raġuni jkunu għaddejjin minn xi diffikultà waqt ix-xhur tat-tqala, b’kull appoġġ possibbli u mingħajr l-ebda kundanna.