“Il-proġett tekniku tal-MFA fl-erba’ snin li ġejjin hu bbażat fi tliet livelli u kulħadd irid isegwi l-manifest bi strateġija li ssir bil-miktub ta’ fejn ninsabu u fejn irridu mmorru.” Kliem il-President tal-MFA Bjorn Vassallo waqt il-preżentazzjoni ta’ Devis Mangia bħala kowċ tat-timijiet nazzjonali.
L-ewwel proġett tekniku hu x-xogħol li jrid isir fiċ-Ċentru Tekniku li jinvolvi lit-tim nazzjonali tal-kbar sat-tim ta’ taħt is-16-il sena. It-tieni proġett jinvolvi lit-tim Malti li se jipparteċipa fil-Lega Pro fejn hemm se jitkejjel il-livell tal-plejers. It-tielet proġett hu dak tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, proġett li jinvolvi l-iżvilupp fit-tul tal-plejers. Bjorn Vassallo qal li fl-aħħar sitt xhur saret ħidma fejn tħalliet ir-rutina li kien hemm tat-timijiet nazzjonali filwaqt li l-amministrazzjoni bdiet tirrevedi biex timplimenta l-proġetti.
Dwar l-għażla tal-kowċ, Vassallo qal li tkellmu ma’ tliet skejjel Ingliża, Taljana u Spanjola u ntgħażlet dik Taljana biex tiġi definita l-filosofija tal-logħba. “Kemm domt fil-FIFA segwejt il-portafoll u strateġiji tekniċi tal-pajjiżi fl-Ewropa u stajt nislet l-aħjar siltiet ta’ min sejjer tajjeb u min sejjer ħażin.” Vassallo qal li l-aspett li jonqos b’ċertezza hu l-professjonaliżmu. Hu qal li dan hu proġett nazzjonali għal kulħadd u saħaq li hemm bżonn sforz kollettiv li jinkludi l-involviment tal-awtoritajiet.
Il-President tal-MFA qal li l-proġett tat-tim Malti fil-kampjonat Taljan hu livell importanti ħafna. “Ħafna mit-Taljani li jilagħbu fil-kampjonat tagħna ġejjin mis-Serie D, jiġifieri livell anqas minn dan il-kampjonat. Hi opportunità għall-plejers biex jilagħbu f’livell professjonali.” Vassallo kompla li b’dan il-proġett, jinħoloq vojt fil-futbol lokali u żied li nħoloq dak li qed jissejjaħ bħala Professional Football Committee, task-force li qed jaħdem biex tissolva l-problema li tinħoloq b’dan il-proġett.
Il-Fondazzjoni se jkollha Bord ta’ Governanza b’Kap Eżekuttiv u tinvolvi programm fl-iskejjel, b’aċċessibbiltà għat-tfal kollha. Dik li qed tissejjaħ bħala Pathway Grassroots to the Elite, tinvolvi tliet reġjuni għat-tfal sa 15-il sena biex jitjieb it-talent. Fost il-ħidma kollha tinvolvi l-protezzjoni tat-tfal, l-edukazzjoni tal-kowċis, il-protokol mediku, is-sigurtà tal-plejers, ix-xjenza fl-isport u l-analiżi tal-logħba. Dan kollu jsir biex il-kowċ nazzjonali jkollu għażla aħjar ta’ plejers.
//= $special ?>