Internazzjonali

Iran: L-Ayatollah Khamenei jiddefendi lill-qawwiet Iranjani fost il-kriżi tal-ajruplan imwaqqa’

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, iddefenda lill-qawwiet armati ta’ pajjiżu f’messaġġ ta’ sfida li spikkat meta l-Ayatollah kien qed imexxi ċerimonja tat-talb fil-kapitali Tehran.

Il-qawwiet Iranjani, jiem ilu – u wara ħafna tlugħ u nżul –ammettew li kienu waqqgħu l-ajruplan (Boeing) tal-Ukraine International Airlines li nqered fil-madwar ta’ Tehran bir-riżultat li nqerdu l-176 passiġġier abbord li kienu qed jivvjaġġaw mill-Iran lejn Kiev, fl-Ukrajna. L-ajruplan iġġarraf ftit wara t-tlugħ meta ntlaqat minn missila, bil-mejtin ta’ fuqu jinkludu ċittadini mill-Iran, il-Kanada, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

Intant, l-Ayatollah – li kien qed imexxi t-talb tal-Ġimgħa f’Tehran għall-ewwel darba mill-2012 – uża l-okkażjoni biex jiġġenera appoġġ fost in-nies għall-qawwiet armati ta’ pajjiżu. Hu qal li l-Gwardja Rivoluzzjonarja – il-qawwa Iranjana elit responsabbli mid-diżastru —  qed tħares is-sigurtà tal-Iran u li, illum, l-Iranjani jridu jimpenjaw ruħhom għall-‘għaqda nazzjonali’.

Khamenei, li indirizza lill-pajjiż mill-moskea ta’ Mosalla,  tkellem ukoll dwar ‘l-għedewwa tal-Iran’, b’referenza ovvja għall-Istati Uniti u l-alleati tagħha, fejn insista li ‘dawn l-għedewwa użaw it-twaqqigħ tal-ajruplan biex iwarrbu fil-ġenb il-qtil tal-Ġeneral Iranjan Qasem Soleimani li – jiem qabel it-traġedja bl-ajruplan – kien inqatel f’attakk minn drone tal-Istati Uniti waqt li kien qiegħed fl-ajruport ta’ Baghdad, fl-Iraq.

L-Ayatollah tenna li ‘l-għedewwa ferħu bit-tiġrif tal-ajruplan għaliex ħasbu li b’hekk setgħu jitfgħu dawl ħażin fuq il-Gwardja Rivoluzzjonarja u l-qawwiet l-oħra tal-Iran’.

Kull okkażjoni fejn il-Mexxej Suprem tal-Iran imexxi t-talb tal-Ġimgħa fil-kapitali titqies bħala att simboliku u sinifikanti u s-soltu jsiru fi żmenijiet meta l-ogħla awtorità tal-Iran ( l-Ayatollah Khamenei) ikun irid iwassal messaġġ importanti lill-poplu

Intant, il-protesti tal-aħħar jiem fl-Iran u l-kritika minn barra l-pajjiż żiedu l-pressjoni fuq it-Tmexxija Iżlamika f’Tehran minħabba l-mod kif hi mexxiet l-iżviluppi ta’ wara l-inċident bil-Boeing.

Waqt id-diskors, Khamenei ikkritika ‘lill-amministrazzoni malinna tal-President Amerikan Donald Trump’ waqt li akkuża lill-Istati Uniti dwar ‘gideb’ wara li hi Washington esprima appoġġ għall-poplu Iranjan. Il-Mexxej Iranjan kompla li l-attakki bil-missili mill-Iran, jiem ilu, kontra l-bażijiet tal-Amerikani fl-Iraq kienu  ‘daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-Istati Uniti’. Kumment ieħor tiegħu kien li l-funeral tal-Ġeneral Soleimani u r-reazzjoni militari mill-Iran iridu jitqiesu bħala ‘żvilupp kruċjali fl-istorja’.

Id-diskors ta’ Khamenei seħħ ukoll wara laqgħa f’Londra, nhar il-Ħamis, għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-ħames pajjiżi li tilfu ċ-ċittadini fit-tiġrif tal-Boeing. F’din il-laqgħa, il-Ministri tal-Kanada, ir-Renju Unit, l-Afganistan, l-Iżvezja u l-Ukrajna insistew għal kooperazzjoni sħiħa mill-Iran waqt inkjesta internazzjonali li tirrikjedi trasparenza sħiħa. Il-pajjiżi anki qed jistennew li jsir ħlas ta’ kumpens mill-Iran.