Lokali Qorti

Jallega li kienu l-Pulizija li poġġewlu d-droga fil-karozza

Tyrone Difesa minn San Ġiljan inżamm arrestat fuq sewqan bla liċenzja u pussess ta’ droga kannabis. Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu tressaq il-Qorti wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja u assikurazzjoni …kif ukoll b’sustanza suspettata li hi droga.

Difesa, ta’ 22 sena, kellu fuqu iktar minn 260 gramma droga kannabis. Huwa saħaq li kienu l-pulizija li poġġewlu d-droga fil-karozza. Difesa heddidhom li meta joħroġ mill-ħabs…. kien se jibgħat lin-nies ifittxuhom.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom li hedded 3 uffiċjali tal-pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan u għalhekk id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ċaħdet din it-talba filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni għat-tliet pulizija.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba minħabba n-natura tar-reati u minħabba li din kienet it-tieni darba li nqabad isuq bla liċenzja, kif ukoll li kiser sentenza sospiża dwar pussess ta’ droga.

Il-Ħamis, Tyrone Difesa kien arrestat waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija f’San Ġwann. Huwa nqabad fil-pussess ta’ sustanza llegali, allegatament droga. Saret ukoll tfittxija fir-residenza fejn jgħix iż-żagħżugħ u hemmhekk instab basket u borża b’ammont sostanzjali ta’ sustanza, allegatament droga, kif ukoll miżien u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.