Internazzjonali

L-Awstralja: Ix-xita ġġib daqsxejn tal-mistrieħ wara ġimgħat ta’ nirien

Maltempati kbar bix-xita qawwija rażżnu l-qilla tan-nirien qalb foresta fl-inħawi lejn il-kosta tal-lvant tal-Awstralja. Ix-xita, bla dubju, ġabet ftit tan-nifs lill-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi u lill-bdiewa li ilhom żmien jikkonfrontaw sitwazzjonijiet ta’ nixfa.

L-Awstralja, li hi famuża għall-bajjiet u z-zoni naturali, ilha minn Settembru tikkumbatti l-bushfires, bin-nirien qalb l-aħrax joqtlu 29 persuna u miljuni tal-annimali. Dan waqt li nqerdu fil-fjammi ‘il fuq minn 2,500 dar, wara li n-nirien mifruxa koprew zona tal-pajjiż li kien fiha daqs terz mid-daqs tal-Ġermanja.

L-Istati ta’ Victoria, New South Wales u Queensland – tlieta mill-aktar Stati Awstraljani affettwati min-nixfa u l-bushfires – mistennija jieħdu vantaġġ mix-xita biex jorganizzaw ruħhom aħjar fil-‘battalja mal-fjammi’. Kelliema għas-servizzi tal-emerġenza qalu li waqt li ma kenux qed jistennew li x-xita  se ‘titfi n-nirien kollha qalb foresta’, l-aħħar waqtiet ta’ maltemp, bla dubju, għandhom jgħinu biex irażżnu l-element ta’ periklu.

Dan meta l-awtoritajiet fi New South Wales qegħdin jitolbu li x-xita tkompli nieżla għal perjodu ta’ ġranet. Fil-fatt qed ikun imbassar li l-maltempati kbar għandhom ikomplu f’ħafna mir-reġjuni affettwati min-nifien fi New South Wales u Queensland.

Intant, l-inżul tax-xita qed ikun irrappurtat anki qalb iz-zoni ta’ New South Wales li ilhom ma jaraw xita qawwija għal snin, b’din is-sitwazzjoni għandha tgħin biex tnaqqas l-impatt tan-nixfa fit-tul f’dawn l-ibnadi.

Mill-banda l-oħra il-maltemp qed jiftaħ għal perikli ġodda, inklużi inċidenzi ta’ għargħar u tqaċċit tas-siġar mill-għeruq. Dan fost rapporti li l-ħaddiema ta’ wildlife park partikulari kellhom ‘jużaw l-ixkupi biex jitfgħu lura lill-kukkudrilli li kienu qed javviċinawhom’, huma u jistinkaw biex (anki) jeħlisu numru ta’ orsijiet Koala mill-għargħar.

Sadanittant, l-inżul tax-xita qawwija għen ukoll biex inaqqas l-arja mniġġża bid-duħħan fl-Awstralja. Madankollu, l-ibliet ta’ Sydney, Canberra u Melbourne għadhom fost l-aktar 100 belt tad-dinja li għadhom ibatu l-effetti tat-tniġġiż – dejjem skont l-aħħar stħarriġ dwar pollution ranking minn AirVisual.

Hemm anki pronostiku li r-residenti fil-belt ta’ Melbourne, sa nhar it-Tnejn, għandhom jistennew mill-ġdid ‘ċirkolazzjoni ta’ arja mhix tajba għas-saħħa’ fl-inħawi.

Iċ-ċpar mid-dħaħen li ilu l-ġimgħat jifforma ‘mantell griż’ fuq l-ibliet il-kbar Awstraljani qed ikun issorveljat mill-aġenzija spazjali NASA – bis-satelliti tagħha, din il-ġimgħa, jindikaw konċentrazzjojni kbira ta’ duħħan fuq zoni sħaħ tal-Oċean Paċifiku.