Lokali

Mara ta’ 47 sena fil-periklu tal-mewt

Mara ttieħdet b’emerġenza l-Isptar Mater Dei ssofri minn ġrieħi serji, wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fl-Imsida.

Għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq Dun Karm seħħet ħabta bejn żewġ vetturi.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Toyota Corolla misjuqa minn mara ta’ 47 sena residenti Marsaskala u vettura tat-tip Alfa Romeo Mito misjuqa minn tfajla ta’ 18-il sena residenti n-Naxxar. Tifla ta’ madwar 5 snin, kienet passiġġiera fil-vettura Toyota.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-mara ta’ 47 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.