Lokali

Miżuri għall-governanza tajba setgħu ttieħdu qabel u kienet tiġi evitata l-ħsara għal pajjiżna

L-Oppożizzjoni tinnota b’sodisfazzjon li għalkemm tard ħafna, issa jidher l-Governanza Tajba se titpoġġa fuq l-aġenda tal-Gvern. Ħafna miżuri setgħu ttieħdu fl-aħħar sentejn u kienet tiġi evitata ħsara enormi għal pajjiżna.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem tal-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said, il-Partit Nazzjonalista saħaq li bil-ħatra tal-Kumitat tal-Kabinet l-Oppożizzjoni tistaqsi jekk dan ifissirx li l-Kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika dwar it-Tibdil Kostituzzjonali huwiex se jispicca?. Tistaqsi jekk fi ħdan dan il-Kumitat hix se tibqa’ għaddejja d-diskussjoni biex jintlaħaq qbil dwar it-tibdil li jrid jsir.

L-Oppożizzjoni trid li l-Gvern jassigura li kull bidla li se sseħħ ma ssirx b’romblu minn fuq kulħadd u kif jrid il-Gvern iżda wara diskussjoni serja mal-Oppożizzjoni u l-istakeholders kollha, nkluż is-soċjetà ċivili. Ħafna mill-bidliet jeħtieġu l-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra u għalhekk qabel jiġu proposti fil-Parlament hemm bżonn li jkunu ġew diskussi mal-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni tistaqsi jekk il-Gvern hux se jmur il-Parlament bi proposti mgħaġuna mill-Gvern waħdu u jippretendi li l-Oppożizzjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha?. L-Oppożizzjoni issa ilha snin tisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u propju fl-ahhar Kunsill Ġenerali ġie approvat id-dokument Riforma u Tiġdid bi 15-il proposta konkreta għall-governanza tajba u demokrazija b’saħħitha.

Ikkummenta