Lokali

“Riżenja sentejn tard” – il-Partit Nazzjonalista

Wara li dalgħodu tħabbret ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, il-Partit Nazzjonalista nnota li illu jinsisti għar-riżenja tiegħu għal aktar minn sentejn.

“Kien evidenti, mill-bidu tal-ħatra tiegħu, li kien pupazz f’idejn il-Gvern u ma kienx lest illi jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni, kriminalità u ħasil tal-flus fil-Gvern Laburista partikolarment fil-konfront tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat,” jiddikjara l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami jfakkar li l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissarju Lawrence Cutajar kompliet timmanifesta ruħha aktar wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn issa huwa magħruf li din l-investigazzjoni hija wkoll mittiefsa minn leakages kbar, nuqqas ta’ investigazzjoni serja u nuqqas tal-arrest ta’ Keith Schembri u nies oħra viċin l-eks Chief of Staff li huma nvoluti f’dan l-assassinju.  

It-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija issa se tgħaddi f’idejn Kummisarju tal-Pulizija ġdid, li se jkun is-sitt wieħed f’sitt snin.

“Daqstant huwa kbir il-falliment tal-Gvern Laburista fil-qasam tal-Pulizja u sigurtà f’pajjiżna. F’dan l-istadju, l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta li saret mill-Partit Nazzjonalista li l-Kummissarju jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament biex din l-istituzzjoni terġa’ tgawdi mill-fiduċja,” jiddikjara l-Partit Nazzjonalista.  

Il-Prim Ministru issa għandu jfittex il-kunsens li tant hawn bżonn f’dan il-mument delikat għal pajjiżna, biex il-pajjiż jerġa’ jaqbad ir-rotta t-tajba li twassal għall-ġustizzja u s-saltna tad dritt.