Michelle Bachelet, l-Uffiċjal ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-moniteraġġ tad-drittijiet umani, sejħet biex il-ġlied fl-inħawi ta’ Idlib jieqaf immedjatament filwaqt li enfasizzat li l-aħħar ftehim għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja ‘falla mill-ġdid milli jipproteġi ċivili mill-impatt ta’ dan il-konflitt’.
Meta ħarġet stqarrija dwar ftehim għal waqfien mill-ġlied li suppost kien implimentat (f’Idlib) kważi ġimgħa ilu, Bachelet esprimiet dispjaċir ‘u sens ta’ għajb għall-fatt li ċ-ċivili Sirjani għadhom qed jinqatlu kuljum permezz tal-attakki bil-missili li baqgħu għaddejjin mill-art inkella mill-ajru’.
Mill-ewwel jiem ta’ Diċembru ħarbu minn Idlib madwar 350,000 Sirjan – fil-parti kbira nisa u tfal – meta din il-provinċja, li qed jiddefenduha r-ribelli ta’ kontra l-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad, kompliet iġġarrab il-qilla ta’ offensiva kbira.
Din l-offensiva, li hi appoġġjata mill-qawwiet Russi alleati ma’ Assad, kienet ingħatat spinta ġdida fil-ġimgħat preċedenti, biċ-ċivili Sirjani li qegħdin jaħarbu jfittxu l-kenn qalb iz-zoni tal-fruntiera (fis-Sirja) viċin it-Turkija.
In-Nazzjonijiet Uniti, sadattant, qed tkompli ssegwi s-sitwazzjoni taċ-ċivili b’ansjetà fost l-appelli kontinwi biex iċ-ċivili ma jisfawx mira tal-ostilitajiet fis-Sirja.
//= $special ?>