Internazzjonali

UE: ‘L-ebda deportazzjonijiet wara Brexit’

Il-Koordinatur ta’ Brexit għall-Parlament Ewropew, Guy Verhofstadt, qal li r-Renju Unit mhux se jiddeporta ‘awtomatikament’ liċ-ċittadini tal-UE li ma jkunux applikaw għad-dritt li jibqgħu fir-Renju Unit wara li l-pajjiż ikun spiċċa minn membru tal-Unjoni.

Verhofstadt, li qabel kien iltaqa’ ma’ Ministri tar-Renju Unit, fosthom il-Ministru għal Brexit, Stephen Barclay, qal li hu ġie aċċertat li se jingħata ‘żmien addizzjonali’ liċ-ċittadini li ma jkunux applikaw għall-iskema ‘settled status’ fir-Renju Unit qabel id-deadline ta’ Ġunju tal-2021.

Hu kompla li lanqas mhi se ssir deportazzjoni awtomatika wara l-perjodu estiż għaċ-ċittadini biex jirregolarizzaw ruħhom. Il-Koordinatur tenna li ‘wara dan il-grace period’ iċ-ċittadini jkollhom possibbiltà li japplikaw għad-dritt biex jibqgħu fir-Renju Unit waqt li jispjegaw għalfejn ma kienx possibbli għalihom li jagħmlu dan skont il-proċeduri normali.

Kelliema għall-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ukoll qalu li ‘mhuma se jsiru l-ebda deportazzjonijiet awtomatiċi’ wara Brexit.

Dan meta r-rapporti f’Novembru qalu li r-Renju Unit kien qed jaħseb biex jiddeporta ċittadini tal-UE fil-każ li jonqsu milli japplikaw fiż-żmien indikat u meta kellhom ikunu kunsidrati biss ‘xi ċirkustanzi eċċezzjonali’.