Internazzjonali

Ukrajna: Furur dwar audiotape — bil-Prim Ministru joffri r-riżenja

Il-Prim Ministru Ukren, Oleksiy Honcharuk, offra r-riżenja tiegħu wara li leak ta’ rekording ‘żvela’ kritika min-naħa tiegħu għall-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky. Il-leħen fuq it-tape – mhux uffiċjalment ikkonfermat li ta’ Honcharuk – jinstama’ jgħid li Zelensky għandu biss ‘idea primittiva dwar l-ekonomija’.

L-audiotape jindika wkoll li Honcharuk qed jammetti li’lanqas hu mhu tajjeb għall-ekonomija’. Intant ma kienx ċar jekk Honcharuk kellux intenzjoni ġenwina biex iwarrab peress li hu, meta kien iffaċċjat bil-mistoqsijiet dwar ir-riżenja, wissa lill-istampa biex ‘ma tgħaġġilx fil-konklużjonijiet’.

Il-President Zelensky, eks komiku u personalità tat-televiżjoni, kien elett f’April li għadda u dan il-każ tal-audiotape ħareġ fi żmien diffiċli għalih, peress li r-relazzjonijiet tiegħu mal-President Amerikan Donald Trump jinsabu taħt skrutinju intensiv. Il-President Trump, bħalissa, qiegħed jiffaċċja process ta’ impeachment talli, allegatament, ipprova jwettaq il-pressjoni fuq Zelensky biex hu ‘jinvestiga’ lill-politiku rivali tal-Partit Demokratiku (Amerikan), Joe Biden, li hu r-rivali kbir ta’ Trump.