Lokali

Żagħżugħ arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ sustanza llegali

Mill-Arkivji

Żagħżugħ ta’ 22 sena, residenti San Ġiljan ibieraħ kien arrestat waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija hekk kif inqabad fil-pussess ta’ sustanza llegali, allegatament droga.

Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu r-ronda f’San Ġwann, innutaw vettura tinstaq kontra n-‘no entry’ fi Triq il-Kappella. Minnufih il-Pulizija bdiet issegwi din il-vettura u twaqqfet ftit wara fi Vjal ir-Riħan.

Irriżulta li s-sewwieq kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u jaġixxi b’mod suspettuż. Għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura fejn instabet sustanza, x’aktarx droga.

Konsegwentament saret ukoll tfittxija fir-residenza fejn jgħix iż-żagħżugħ u hemmhekk instab basket u borża b’ammont sostanzjali ta’ sustanza, allegatament droga, kif ukoll miżien u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

Iż-żagħżugħ ttieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn hemmhekk beda jhedded lill-Pulizija.

Huwa qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.