Futbol Sport

Żejtun Corinthians isalvaw punt fil-ħin miżjud u rebħa kbira għal St. Andrews

(Ritratt: Matthew Tabone)

NAXXAR LIONS ……………………. 2

ŻEJTUN CORINTHIANS …………. 2

Naxxar: O. Borg, J. Sciberras, A. Azzopardi, M. Fenech (J. Camilleri 90’), M. Mifsud, E. Farias Cerqueira, R. Cassar, J. Debono, J. Ellul, B. Essiel, G. Martins Leite

Żejtun: C. Cassar, J. Busuttil, K. Farrugia, D. Agius, J. Ogunnupe (A. Carabott 68’), J. Suda (R. Spiteri 77’), R. Nascimento Santos, M. Perreira, C. Grech, A. Mizzi (B. Farrugia 66’), Neil Tabone

Referee: Alex Johnson

Il-leaders tal-kampjonat dehru resqin lejn it-tieni telfa tal-istaġun kontra Naxxar Lions, iżda rnexxielhom isalvaw punt grazzi għal gowl ta’ Grech fil-ħin miżjud tal-logħba. Naxxar għal darba darbtejn kienu fil-vantaġġ iżda Żejtun baqgħu jiġru wara r-riżultat u kisbu punt prezzjuż li bih żgur se jtemmu fl-ewwel post fi tmiem l-ewwel rawnd, anki jekk dawn jistgħu jintlaħqu minn Lija. Iżda l-punt miksub hu siewi wkoll għaliex kontra avversarji diretti li b’hekk baqgħu sitt punti bogħod minnhom.

Il-partita kellha bidu bilanċjat b’Naxxar jiftħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja fil-11-il minuta meta JURGEN DEBONO għeleb lil Christian Cassar direttament minn free-kick. Żejtun ippruvaw jagħmlu reazzjoni u fis-26 minuta resqu viċin li jagħmlu l-iskor indaqs meta daqqa ta’ ras minn qagħda tajba ta’ Joseph Ogonnupe wara kross ta’ Kane Farrugia għaddiet tħakkek mal-wieqfa. Żejtun beda jkollhom iktar mill-pussess tal-ballun u erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima għamlu l-iskor indaqs meta ROBERTO DO NASCIMENTO SANTOS għeleb lil Omar Borg b’xutt fil-baxx.

It-tieni taqsima bdiet fuq nota kwieta bin-Naxxarin jersqu viċin li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ fit-62 minuta meta xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Jurgen Debono għadda ftit barra.  L-andament tal-partita ftit li xejn inbidel b’ħafna mil-logħob jiżvolġi f’nofs il-grawnd u biż-żewġ gowlkipers ftit li xejn ikunu fl-azzjoni. 

Fil-fatt, kien biss lejn it-tmiem li l-partita ħadet aktar ħajja u wara li xutt ta’ Brooke Farrugia għadda għoli, fit-83 minuta Naxxar reġgħu marru fil-vantaġġ meta EDSON FARIAS CERQUEIRA approfitta minn żball fid-difiża ta’ Żejtun u bil-gowlkiper ħiereġ barra minn postu, ikkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx.  Żejtun għamlu reazzjoni u fil-ħin miżjud għamlu l-iskor indaqs meta CHRISTIAN GRECH għeleb lil Omar Borg b’xutt fil-baxx.

Rebħa impressjonanti għal St. Andrews

ST. ANDREWS ………………… 6

ST.GEORGE’S …………………. 1

St Andrews: N. Grima, I. Azzopardi, M. D’Alessandro (M. Muscat 74’), M. Bartolo, A. Chibueze, N. Bradshaw (J. Sixsmith 74’), L.A. Borg, J. Farrugia, K. Jackson, A. Borg Olivier, K. Reid (M. Veselji 74’)

St George’s: J. Azzopardi (D. Buttigieg 51’), A. Gili, A. Marshall (G. Carabott 69’), R. Villada, J. Grech, M. Mentosa, C. Cassar, M. Uritani, G. D’Amato, D. Caruana, L. Bonett

Referee: Massimo Axisa

St. Andrews temmew l-ewwel rawnd b’rebħa mill-iktar impressjonanti kontra St. George’s, rebħa bi skor tennistiku ta’ 6-1. Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa St. Andrew’s komplew saħħew il-pożizzjoni tagħhom mat-timijiet ta’ fuq, fejn issa ħolqu iktar pressjoni fuq Żejtun u Lija, u t-tim immexxi minn Brian Said żgur li se jkun fost il-protagonisti fit-tellieqa għall-promozzjoni matul it-tieni rawnd.

Iżda minkejja l-iskor daqshekk kbir, il-Bormliżi kienu tajbin speċjalment fl-ewwel nofs siegħa tal-logħba fejn  mhux biss marru minn fuq iżda anki kellhom xi ċansijiet fejn jiskorjaw it-tieni gowl. Wara l-ewwel nofs siegħa bdiet ir-rimonta ta’ St. Andrews li skorjaw tliet darbiet sal-intervall u fit-tieni taqsima għamlu ħerba mill-avversarji.

Wara ħames minuti logħob fl-ewwel attakk tagħhom St. George’s marru minn fuq grazzi għal DYLAN CARUANA li għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Grima b’kalma kbira. Ftit minuti wara f’azzjoni simili Caruana dar tajjeb ma’ difensur iżda din id-darba Grima salva gowl ċert.

Fit-30 minuta St. Andrews għamlu l-iskor indaqs meta Marshall mess il-ballun b’idu u mill-11-il metru JOSEPH FARRUGIA ma żbaljax. Tliet minuti wara, żball kbir fid-difiża Bormliża, bil-gowlkiper Azzopardi jiżloq u ma jolqotx il-ballun u LUKE ANTHONY BORG ma kellux diffikulta jixħet f’lasta vojta. Minuta mill-intervall ħarba mpressjonanti ta’ KEMAR REID li waħdu quddiem Azzopardi ma żbaljax.

Fit-tieni taqsima, il-logħba kienet mingħajr storja bil-Bormliżi ukoll sfortunati li tilfu lill-gowlkiper Azzopardi li weġġa’ u kellu jinbidel. Mas-siegħa logħob KEMAR REID skorja t-tieni gowl tiegħu f’azzjoni oħra ta’ kontrattakk u fl-64 minuta wasal ukoll il-ħames gowl skorjat direttament minn free-kick preċiż ta’ NICHOLAS BRADSHAW. Is-sitt u l-aħħar gowl wasal tmien minuti mit-tmiem permezz tas-sostitut MATTIA VESELJI wara inċertezza fid-difiża Bormliża.