Christine Gauci, Għawdxija ta’ 35 sena residenti r-Rabat, tilfet ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffikultajiet waqt li kienet qed togħdos fil-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am, meta kien innutat li l-mara sabet ruħha f’diffikultajiet. Minnufih kienu nfurmati l-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta, li bdew ħidma biex il-mara tinstab u tfittex tittella’ fuq l-art.
Fil-fatt, wara tfittxija fil-baħar, hi ttellgħet il-Port tal-Imġarr. Jistenniha sabet ukoll tim mediku, għalkemm l-intervent tagħhom kien għalxejn minħabba li l-mara ġiet iċċertifikata mejta fil-post.
Christine kienet hi stess membru tal-Forzi Armati u fir-Rabat Għawdex, hi kienet magħrufa sew għas-sehem tagħha bħala bandista fis-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Fil-fatt, kienu ħafna l-Għawdxin li fuq il-media soċjali faħħru l-karattru sinċier u avventuruż, kif ukoll l-enerġija li Christine kienet tħalli madwarha. Fuq kollox, huma esprimew ix-xokk tagħhom wara din l-aħbar u wasslu l-kondoljanzi lill-familja tagħha.
Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Bridgitte Sultana, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>