Futbol Sport

Awto-gowl fl-aħħar nifs jagħti daqqa ta’ ħarta oħra lit-tamiet ta’ Manchester City

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City, għamlu pass ħażin ieħor li swielhom żewġ punti mitlufa fid-draw ta’ 2-2 kontra Crystal Palace fl-Etihad Stadium. Id-daqqa ta’ ħarta għat-tim ta’ Pep Guradiola kellha tasal proprju fid-90 minuta, b’awto-gowl kontra kull mistenni jaqta’ ħesrem l-ewforija tal-plejers ta’ City li qabel irnexxielhom idawru żvantaġġ bikri b’żewġ gowls skurjati tard fit-tieni taqsima. Kienu Crystal Palace li għalqu l-ewwel taqsima fil-vantaġġ meta minn korner ta’ James McArthur, Gary Cahill rebaħ il-ballun bir-ras u b’Cenk Cosun ikun fil-post eżatt biex xewħet ġewwa mill-viċin.

Fit-tieni taqsima City stinkaw kemm felħu biex jippenetraw id-difiża tal-Eagles u kellhom jistennew sat-82 minuta, meta Sergio Aguero għeleb lil Guaita għall-1-1, b’dan il-gowl ikun il-250 wieħed tal-attakkant Arġentin għal City. Ħames minuti wara, Aguero poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ meta skorja bir-ras fuq l-assist ta’ Mendy, iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Wilfried Zaha li avvanza max-xellug u xeħet kross fil-baxx fil-kaxxa, b’Fernandinho jegħleb lill-gowlkiper tiegħu stess għal awto-gowl sfortunat li gawdew minnu l-leaders tal-klassifika Liverpool.

Tottenham Hotspur kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 minn Watford f’Vicarage Road bil-logħba, madankollu, tipproduċi diversi azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti. L-akbar ċans mitluf, bla dubju kien ta’ Watford li f’nofs it-tieni taqsima ngħataw penalty għall-hands ta’ Vertonghen fil-kaxxa, bil-captain Troy Deeney jara x-xutt tiegħu mill-ħdax il-metru salvat b’abbilità kbira mill-gowlkiper Paulo Gazzaniga. Fl-aħħar ħinjiiet, is-sostitut ta’ Watford, Pussetto, qala’ ballun minn fuq il-linja fatali wara li t-tentattiv ta’ Lamela deher li kien se jagħti t-tliet punti lil Spurs, li issa ilhom erba’ logħbiet mingħajr rebħa fil-kampjonat.

Arsenal ħadu doċċa kiesħa fl-aħħar minuti tal-logħba ma’ Sheffield United fl-Emirates Stadium, bi draw ta’ 1-1 ifisser li t-tim ta’ Mikel Arteta jinsab fl-għaxar post tal-Premier League, b’erba’ punti taħt l-istess Blades. Il-Gunners marru fil-vantaġġ minn Gabriel Martinelli, sekondi qabel il-mistrieħ, iżda fit-tieni taqsima huma ddeċiedew li jiddefendu r-riżultat minimu u fit-80 minuta, John Fleck, wieħed mis-sostituti tal-Blades, ixxuttja lejn il-lasta ta’ Bernd Leno, bil-ballun jixxellef ma’ plejer u jispiċċa ġewwa għad-draw mistħoqq.

Newcastle United kisbu rebħa mill-aktar drammatika fuq Chelsea, 1-0, f’St James Park, bil-gowl jasal fl-94 minuta meta l-Geordies irnexxielhom jisfurzaw l-ewwel korner tagħhom f’ din il-logħba. Il-konfront kien fadallu biss ftit sekondi meta, minn kross ta’ Allan Saint-Maximin,  Isaac Hayden għola fuq kulħadd u indirizza bir-ras lejn il-lasta, bil-gowlkiper, Arrizabalaga, ikompli l-ballun għal ġewwa fit-tentattiv biex isalva.

Wolves wettqu rimonta inkredibbli f’St Mary’s Stadium fejn irnexxielhom jegħlbu lil Southampton 3-2, minkejja li kienu għalqu l-ewwel 45 minuta fi żvantaġġ doppju. Is-Saints kienu dehru resqin lejn is-sitt rebħa f’seba’ logħbiet meta gowls minn Jan Bednarek wara kwarta u Shane Long fil-35 minuta tawhom l-aqwa bidu possibbli.

Iżda l-mużika nbidlet fit-tieni taqsima, b’Pedro Neto fit-53 minuta jirċievi mingħand Traore biex naqqas l-iżvantaġġ u Raul Jimenez għamilhom 2-2 minn penalty wara l-fawl ta’ Stephens fuq Jonny. Southampton tilfu ħafna mill-organizzazzjoni tal-ewwel taqsima u fis-76 minuta, Jimenez skorja l-gowl tar-rebħa fuq assist ieħor ta’ Traore.

Il-captain ta’ Aston Villa, Jack Grealish, żied gowl sabiħ ieħor mar-ripertorju tiegħu biex salva punt għall-Villains ma’ Brighton fi draw ta’ 1-1 fl-Amex Stadium. Brighton kienu marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima meta, wara azzjoni ta’ Neal Maupay, Leandro Trossard venven ġmiel ta’ first-timer li ħalla lill-gowlkiper, Pepe Reina, iħares. Iżda kwarta mit-tmiem, wasal il-mument ta’ Villa meta Grealish irċieva mingħand Douglas Luiz u spara ġewwa. Fl-aħħar tal-logħba, Maupay kellu ċans li jikseb it-tliet punti għas-Seagulls iżda l-volley tiegħu kien salvat b’diffikultà mill-veteran Reina li kien qed jiddebutta fil-lasta tal-Villains.

Norwich City kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat minn Novembru, bil-penalty skurjat fl-ewwel taqsima minn Teemu Pukki ikun biżżejjed biex jagħti tliet punti kruċjali lill-Canaries kontra Bournemouth li madankollu, għadhom l-aħħar fil-Premier League bi 17-il punt. Il-penalty wasal fit-33 minuta wara handsball fil-kaxxa ta’ Steve Cook li spiċċa muri l-ħamra mir-referee, Paul Tierney. Intant, Norwich ukoll spiċċaw din il-logħba b’għaxra meta, kwarta mit-tmiem, tkeċċielhom Ben Godfrey għal fawl ikrah fuq Callum Wilson.

Draw ieħor ta’ 1-1 kien dak bejn West Ham United u Everton fil-London Stadium, bir-riżultat iħalli lill-Hammers f’sitwazzjoni prekarja fil-klassifika. Il-gowls waslu fl-ewwel taqsima, b’Issa Diop jitfa’ lil West Ham fil-vantaġġ bir-ras fuq freekick ta’ Robert Snodgrass fl-40 minuta. Intant, Everton wieġbu minn Dominic Calvert-Lewin fl-44 minuta li skorja l-ħdax-il gowl tiegħu tal-istaġun b’diving header wara li Holgate kien kompla l-ballun għal ġol-kaxxa mill-korner ta’ Lucas Digne.