“Huwa ċar li hemm bżonn urġenti ta’ taqliba radikali fil-Korp tal-Pulizija. Jekk il-Korp irid joħroġ miċ-ċiklu ta’ tmexxija fqira li nqabad fih fl-aħħar seba’ snin, tinħtieġ sistema ta’ għażla li ma tkunx minsusa politikament – proċess li jagħżel l-aqwa persuna għal din il-pożizzjoni”.
Hekk jgħid l-Editorjal tal-ġurnal Times of Malta, l-għada tar-riżenja tal-Kummissarju Lawrence Cutajar, il-ħames Kummissarju sa mill-bidu tal-amministrazzjoni Laburista fl-2013.
L-Editorjal jgħid li l-għażla għall-Kummissarju l-ġdid trid tkun ibbażata fuq il-merti u l-kwalitajiet eċċezzjonali tal-persuna u mhux fuq it-twemmin politiku tiegħu jew tagħha. Għajnuna minn esperti barranin fil-qasam għandha wkoll tkun ikkunsidrata tul il-proċess tal-għażla.
Hekk kif il-Prim Ministru qal li hemm bżonn ta’ riformi fil-Pulizija, fl-aħħar snin il-Korp kien mgħobbi bi pressjonijiet minn politiċi u b’riformi li fallew li jtejbu l-livell tax-xogħol u s-suċċessi tal-Pulizija.
Lura fl-2014, il-Gvern kien ħabbar “studju u implimentazzjoni ta’ proċess ta’ riorganizzazzjoni fuq livelli differenti fil-Korp”. Dan l-eżerċizzju ma pproduċa l-ebda titjib evidenti.
L-Editorjal jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ Kummissjoni li tkun tirraporta direttament lill-Prim Ministru u li żżommu aġġornat dwar l-istat tat-tmexxija, it-taħriġ, il-moral u l-organizzazzjoni fi ħdan il-Korp, kif ukoll biex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha sal-aħħar tas-sena.
Iż-żamma tal-ordni hi fundamentali biex tkun imħaddma kif suppost is-Saltna tad-Dritt u hi sinjal ta’ soċjetà ċċivilizzata. Il-Korp tal-Pulizija għandu rwol kruċjali biex jinqered is-sens ta’ anarkija li beda jinbet fis-soċjeta tagħna.
L-Editorjal temm jgħid li hemm bżonn kbir li jitranġaw id-difetti ħoxnin fit-tmexxija u li l-Korp jerġa’ jinbena mill-ġdid sabiex iċ-ċittadin jerġa’ jibda jemmen bis-sħiħ fl-indipendenza u fil-kapaċitajiet tal-Pulizija f’pajjiżna.
//= $special ?>