Futbol Sport

Draw bejn Gudja u Ħamrun f’logħba mimlija azzjonijiet

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Luke Micallef

GUDJA UNITED…………………. 1

ĦAMRUN SPARTANS………… 1

Gudja: J. Debono, J. Farrugia, J. Bondin, A. J. Friggieri, E. Zarate Bilbao, A. De Barros, M. Jimenez (R. Winchester 61’), H. Vella (L. Cremona 72’), N. Rodrigues, J. Bolanos, J. Grioli

Ħamrun: M. Bartolo, A. Capitelli, C. Borg (C. Galea 65’), A. Soares, S. Lagzir, (A. Scicluna 62’), C. Failla, M. Gauci, N. Leone, C. Cutajar (D. Borg 46’), K. Micallef, V. Alhinho

Imwissija: C. Cutajar 32’ (Ħ), J. Bolanos 51’ (G), J. Bondin 76’ (G), D. Borg 78’ (Ħ), C. Failla 87’ (Ħ), R. Winchester 87’ (G)

Tkeċċa: D. Borg 87’ (Ħ)

Skorjaw: S. Lagzir 11’ (Ħ), A. De Barros 67’ (G)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Luke Portelli, Paul Apap

Il-Mument Plejer tal-logħba: Anderson De Barros (Gudja United)

BOV Plejer tal-logħba: Anderso De Barros (Gudja United)

F’logħba eċċitanti u mimlija azzjonijiet, Ħamrun u Gudja ħarġu b’punt kull wieħed fit-tieni partita tat-tieni rawnd. L-ewwel konfront tal-istaġun bejn dawn iż-żewġ timijiet kien spiċċa 2-2.

Il-partita dehret mill-ewwel li se tkun waħda movimentata, hekk kif iż-żewġ timijiet urew l-intenzjonijiet tagħhom. L-ewwel battuti tal-logħba raw il-ballun tiela’ u nieżel bil-Ħamruniżi jsarrfu dawn l-opportunitajiet b’gowl fil-ħdax-il minuta. Kien il-plejer Marokkin, SOUFIANE LAGZIR, li tefa’ ballun fil-baxx li għadda minn taħt idejn il-gowlkiper Gudjan, Jonathan Debono, sabiex il-ballun spiċċa fix-xibka.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Tliet minuti wara, Gudja, permezz ta’ xutt ta’ Aidan Jake Friggieri kienu perikolużi bil-ballun jintlaqa’ parzjalment minn Manuel Bartolo, iżda mir-rebound il-plejers Gudjani ma approfittawx. Fid-dsatax-il minuta Edison Zarate Bilbao ra x-xutt perikoluż tiegħu mdawwar b’diffikultà f’korner minn Bartolo. Ftit sekondi wara Soares laqat il-lasta għall-Ispartans. Fis-26 minuta, Friggieri qassam ballun lil Zarate, b’dan tal-aħħar reġa’ ra x-xutt tiegħu jiġi mdawwar f’korner.

Gudja United ħarġu aktar avventurużi fit-tieni taqsima. Fis-57 minuta, Justin Grioli ttanta xortih minn barra l-baxxa b’xutt b’saħħtu, li iżda sab lill-gowlkiper Ħamruniż attent u tajjar il-ballun. Fis-67 minuta, Gudja United ġabu l-gowl tad-draw, b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ ANDERSON DE BARROS. Tliet minuti wara reġgħu kienu perikolużi l-istess Gudja, bid-difensur ta’ Ħamrun, Darren Borg, itajjar il-ballun bir-ras minn fuq il-linja.

Fit-73 minuta, Friggieri laqat il-lasta avversarja minn free-kick. Fl-azzjoni suċċessiva, Ħamrun ingħataw penalty wara li d-difensur Gudjan, Jonathan Bondin waqqa’ lil Soares fil-kaxxa. Clayton Failla ġie afdat bil-penalty li b’xutt b’saħħtu fir-rokna tax-xibka ma rnexxielux jegħleb lil Debono, bil-ballun jistampa ma’ sidru. Fis-87 minuta, l-Ispartans spiċċaw jilagħbu b’għaxra wara li Darren Borg intwera t-tieni karta safra. Gudja ppruvaw jieħdu vantaġġ tal-persuna aktar li kellhom fil-grawnd, iżda l-isforzi tagħhom ma wasslu għall-ebda gowl ieħor.