Lejlet konferenza dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja, il-President Tork Recep Tayyip Ergodan wissa lill-komunità internazzjonali li jekk jaqa’ l-Gvern “leġittimu” Libjan ta’ Fayez al-Sarraj, dan iwitti t-triq għal aktar terroriżmu fiż-żona.
Fost xnihat li al-Sarraj jista’ ma jattendix għal din il-konferenza, li se ssir fil-kapitali Ġermaniża Berlin, u li minflok jibgħat biss delegazzjoni biex tirrappreżenta lill-Gvern ta’ Tripli, qed tikber ukoll il-biża’ li din il-konferenza titlef l-iskop kollu li ssejħet għalih.
L-iskop tal-konferenza kien li din twassal għal ftehim ta’ waqfien mill-ġlied dejjiemi fil-Libja u li jġib fi tmiemha l-gwerra ċivili f’dan il-pajjiż.
Dan hekk kif it-tensjoni kompliet eskalat fl-aħħar ġranet wara li fazzjonijiet opposti għamlu akkużi kontra xulxin, u kif il-President Tork innifsu sejjaħ lill-Ġeneral Libjan Khalifa Haftar bħala raġel li mhux ta’ min jafdah.
Fayez Al Sarrajh qed joġġezzjona bil-qawwa għal sejħa għal “Gvern ġdid nazzjonali” – sejħa li l-Prim Ministru Libjan qed jinterpretaha bħala messaġġ ċar biex hu jwarrab.
Intant fl-aħħar sigħat, il-Ġeneral Libjan Haftar kellu laqgħa mal-Ministru tal-Affarijet Barranin Ġermaniż Heiko Maas, fejn l-istess Ġeneral wiegħed li se jżomm mal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied u li se jkun qed jattedni għat-taħditiet tal-paċi f’Berlin il-Ħadd li ġej.
//= $special ?>