Futbol Sport

Farrugia jsalva penalty u punt lis-Sengleani fl-aħħar battuti

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Luke Micallef

BIRKIRKARA…………………. 1

SENGLEA ATHLETIC……… 1

Birkirkara: A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, J. Bezzina (C. Prado 72’), K. Zammit, Y. Yankam, R. Briffa, F. Falcone, C. Attard, R. Fenech, I. Ntow (M. Mifsud 45’)

Senglea: M. Farrugia, S. Olberkis, D. Debono, E. Sakyi, L. Grech (J. Tanti 60’), M. Micallef (C. Zammit 69’), J. Teixeira, S. Cipriott, W. Zamble, A. Do Nascimento, M. Dias

Imwissija: M. Dias 20’ (S), R. Fenech 25’ (B), J. Teixeira 32’ (S), S. Cipriott 37’ (S), A. Hogg 44’ (B), E. Pepe 79’ (B), C. Zammit 90’ (S), C. Attard 90’ (B)

Tkeċċa: M. Dias 81’ (S)

Skorjaw: F. Falcone 31’ (B), J. Teixeira 44’ (S)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Christopher Francalanza

Il-Mument Plejer tal-logħba: Wilfried Zamble (Senglea Athletic)

BOV Plejer tal-logħba: Wilfried Zamble (Senglea Athletic)

Attendenza: 550

Birkirkara fallew opportunità li jiksbu rebħa li biha kienu jkomplu javvanzaw fil-klassifika. Huma kienu qrib li jagħmlu dan iżda Falcone ra l-penalty lejn it-tmiem ikun salvat minn Matthew Farrugia. Is-Sengleani kienu ħarġu fuq in-naħa rebbieħa 1-0 kontra Birkirkara, fl-ewwel rawnd, lura f’Awwissu. Qabel din il-partita, Senglea kellhom erbatax-il punt filwaqt li Birkirkara kienu b’dsatax-il punt.

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fis-27 minuta, b’daqqa ta’ ras ta’ Federico Falcone li spiċċat fuq il-lasti difiżi minn Matthew Farrugia. Erba’ minuti wara, Birkirkara marru minn fuq. Minn korner ta’ Cain Attard, FEDERICO FALCONE għola waħdu u bir-ras tefa’ wara Farrugia.

Żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima Senglea ngħataw penalty wara li Wilfried Zamble twaqqa’ fil-kaxxa minn Andrew Hogg. Inkariga minnu JOSE WILSON TEIXEIRA u b’xutt baxx għeleb lil Hogg, biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu 1-1.

(Ritratt: Trevor Sollars)

It-tieni taqsima kompliet b’mod kwiet. Fil-61 minuta Matthew Guillaumier ra x-xutt tiegħu jgħaddi għolli. Żewġ minuti wara, Marcelo Dias prova jqabbeż il-ballun fuq Hogg, wara li tal-aħħar inqabad barra minn postu, bil-ballun spiċċa ftit barra.

Fil-81 minuta tkeċċa l-plejer ta’ Senglea, Marcelo Dias wara li ġie muri t-tieni karta safra. Żewġ minuti fuq il-ħin mogħti żejjed, Birkirkara ingħataw penalty wara li difensur ta’ Senglea laqat il-ballun b’idejh. Inkariga minnu Federico Falcone li sab lil Farrugia attent u salva l-ballun. Bi plejer inqas Senglea irnexxielhom iżommu l-logħba f’parita’ sat-tisfira finali.