Futbol Sport

Floriana jżommu l-vantaġġ f’ras il-klassifika b’rebħa diffiċli

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: George Cassar

BALZAN……………… 1

FLORIANA…………. 3

Balzan: K. Naumovski, I. Bozovic, S. Bezzina, A. Loof, N. Sljivic, P. Fenech (S. Arab 84’), S. Pisani, A. Faria Machado (A. Effiong 70’), U. Ljubomirac, A. Majdevac, L. Montebello

Floriana: I. Akpan, A. Cini, R. Camenzuli, E. Ruiz, J. Pisani, D. Venancio, M. Garcia (C. Borg 86’), U. Arias, B. Paiber (A. Caseres 68’), K. Keqi, T. Fonseca (J. Busuttil 91’)

Imwissija: A. Faria Machado 24’ (B), R. Camenzuli 27’ (F), S. Pisani 29’ (B), P. Fenech 45’ (B), N. Sljivic 58’ (B), T. Fonseca 59’ (F)

Skorjaw: J. Pisani o.g. 7’ (B), T. Fonseca 37’, A. Caseres 77’, K. Keqi 93’ (F)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit

Il-mument Plejer tal-logħba: Kristian Keqi (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Uros Ljubomirac (Balzan)

Attendenza: 826

Floriana se jibqgħu jgawdu l-ewwel post għal mill-inqas ġimagħtejn oħra hekk kif irkupraw gowl minn taħt u għelbu lil Balzan. Il-partita kienet bilanċjata għal ħafna mill-ħin iżda Floriana skurjaw il-gowl tal-vantaġġ f’mument importanti minn sostitut u minn hemmhekk dehru li ħadu l-kmand għall-kumplament tal-logħba.

L-aħjar għal Floriana kien Kristian Keqi li rritorna għall-vena li kien beda biha l-kampjonat u kkombina ferm tajjeb ma’ Tiago Fonseca li wkoll kellu prestazzjoni tajba. Il-kowċ Vincenzo Potenza ma kienx fuq il-bank minħabba li kien sospiż u għalhekk it-tim tmexxa mill-assistent Darren Vella.

Balzan kellhom ukoll il-mumenti tagħhom fejn Uros Ljubomirac u Andrija Majdevac kienu perikolużi fl-attakk u fil-fatt kienu huma li ħolqu l-ewwel gowl tal-partita. Fis-seba’ minuta Uros Ljubomiras avvanza mal-lemin u tefa’ kross lejn Andrija Majdevac li għol ferm tajjeb u d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet imxellfa fix-xibka mid-difensur Furjaniż Jurgen Pisani.

Man-nofs siegħa logħob kien hemm battibekk bejn Steve Pisani u l-president ta’ Floriana Riccardo Gaucci li jidher li għadda xi kummenti lejn l-eks plejer minn fuq il-bank tas-sostituti. Floriana għamlu l-iskor 1-1 fit-38 minuta meta l-ħabrieki Kristian Keqi seraq il-ballun f’nofs il-gawnd u ta pass li sab il-ġirja ta’ Tiago FONSECA li skorja b’xutt fil-baxx bil-ballun jgħaddi minn taħt idejn Kiko Naumovski li seta’ għamel aħjar biex jilqa’ dan ix-xutt.

L-aħjar ċans għal Balzan biex jerġgħu jmorru fil-vantaġġ wasal qrib is-siegħa logħob. Il-gowlkiper Furjaniż Ini Akpan ħareġ ħażin għall-kross ta’ Uros Ljubomirac iżda x-xutt ta’ Luke Montebello kien imwaqqaf fuq il-linja tal-gowl minn Jurgen Pisani. Iżda l-gowl wasal fuq in-naħa l-oħra meta minn kontrattakk veloċi li żbilanċja lil Balzan, Kristian Keqi fetaħ ballun lejn Augusto CASERES li tefa’ lil Floriana wara li kien ilu inqas minn għaxar minuti fil-grawnd.

Fl-aħħar minuti Floriana bdew jaqbdu lill-avversarji b’diversi kontrattakki fejn f’wieħed minnhom Tiago Fonseca ġab lil Kristian Keqi wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper iżda Kiko Naumovski tar minn tulu u salva tajjeb. Iżda l-gowlkiper ta’ Balzan ma seta’ jagħmel xejn quddiem kontrattakk ieħor fejn minn pass ieħor ta’ Augusto Caseres, Kristian Keqi nkuruna wirja mill-aqwa b’gowl li ssiġilla r-rebħa Furjaniża.