Lokali

Għaldarboħra jilħqu l-quċċata tal-Kilimanjaro

Il-ħolma tal-grupp ta’ żgħażagħ – u oħrajn anqas żgħażagħ – li pparteċipaw għal edizzjoni oħra tal-Kilimanjaro Challenge kienet li jiġbru fondi għal skola f’Bonga fl-Etjopja. U permezz tal-persevernza il-grupp kollu rnexxielhu jilħaq il-quċċata tal-muntanja, filwaqt li ġabru biżżejjed fondu għall-iskola.

Il-grupp li kien magħmul minn 19-il persuna rħielha lejn it-Tanzanija biex, fi sfida li ħadet tmint ijiem, jilħqu l-quċċata tal-Muntanja Kilimanjaro.

Din il-muntanja, li hi wkoll vulkan rieqed, hi l-ogħla muntanja fl-Afrika u l-unika muntanja fid-dinja li ma tmissx ma’ muntanji oħrajn.

Il-Maltin ixxabtu sal-quċċata – madwar 5,895 metru ‘l fuq mill-livell tal-ilma u madwar 4,900 metru mill-bażi tagħha.

Membri tal-grupp qalu li l-akbar sfida kien l-aħħar lejl, li matulu kellhom jitilgħu l-aħħar 1,000 metru. Madankollu, kien kbir is-sodisfazzjon li fl-aħħar mill-aħħar, irnexxielhom itemmu l-isfida li offriet din l-avventura bħala grupp.

Huma qalu li l-mument tal-wasla fil-quċċata kien wieħed ta’ trijonf u li jagħti sens lis-sagrifiċċji li għamlu fl-aħħar xhur bit-tħejjijiet kollha, kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi.

L-inizjattiva tal-grupp issarfet ukoll f’aktar minn mitt elf ewro li nġabru għall-bini ta’ Skola fl-Etjopja.

Dan kien it-13-il proġett li għalih inġabru fondi permezz ta’ din l-iniżjattiva u l-iskola se tkun qed tilqa’ fiha 700 tifel u tifla fil-jiem li ġejjin.

Fit-13-il sena kemm ilha ssir din l-attività, inġabru b’kollox kważi miljun ewro.